Ta’ 85 sena jmur il-Gwatemala jkompli l-missjoni

Facebook - Padre-Jose Camilleri

Dun Ġużepp Camilleri, qassis Għawdxi ta’ 85 sena għamel snin twal iservi fl-Istati Uniti tal-Amerika. Huwa ddeċieda li flok jirritorna lura f’art twelidu u jirtira. imur il-Gwatemala u jibda l-missjoni tiegħu fil-Knisja ta’ Santo Tomas f’Jalpatagua, Jutiapa.

Dun Ġużepp jgħid li jħossu grat lejn Alla li żejnu bis-saċerdozju u b’ħajja sabiħa fil-missjoni għax madwaru hemm ħafna nies li jeħtiġuh kemm materjalment u spiritwalment. Flimkien ma’ ħafna benefatturi, Dun Ġużepp bena l-Isptar San Juan Bautista li qed iservi ta’ fejqan għal bosta. Huwa jinsab responsabbli wkoll f’parroċċa fejn il-preżenza ta’ saċerdot hija meħtieġa. Dun Ġużepp jistieden lil kull min jixtieq jibqa’ żagħżugħ biex jitfa’ ħarstu ’l bogħod u kull min jista’ jżur il-Gwatemala.

Il-Papa Franġisku f’Jum il-Missjoni 2019 qal li l-koinċidenza providenzjali maċ-ċelebrazzjoni tas-Sinodu Speċjali fuq il-Knejjes tal-Amażonja twasslu biex jagħfas fuq kif il-missjoni li afda Ġesù bid-don tal-Ispirtu tiegħu għadha attwali u meħtieġa anki għal dawn l-artijiet u n-nies li jgħixu fihom. Żied li “l-Pentekoste mġedded jiftaħ beraħ il-bibien tal-Knisja biex l-ebda kultura ma tibqa’ magħluqa fiha nfisha u l-ebda poplu ma jibqa’ iżolat imma jinfetaħ għall-komunjoni universali tal-fidi.”