Ta’ 73 sena tipprotesta għal-libertà fil-Belarus

Nina Bahinskaya, ta’ 73 sena, ilha tidher fil-protesti kontra l-gvern mill-bidu tagħhom, targumenta mal-pulizija u darba minnhom saħansitra mblukkat waħda mill-vetturi armati tal-awtoritajiet billi waqfet bil-wieqfa quddiemha.

Vidjo ppubblikat fuq il-kanal Telegram ta’ Nexta wera lill-mara li għandha aktar minn sebgħin sena, li kienet qed tirreżisti l-arrest mill-pulizija matul il-protesta fit-12 ta’ Settembru, hi u tipprova tneħħi balaclava minn fuq wiċċ uffiċjal.

Il-konfrontazzjoni swiet biex tkompli żżid il-profil popolari tagħha, u l-folol instemgħu jgħajjtu “Nina” waqt li kien qed iseħħ l-arrest.

Iżda din mhix esperjenza ġdida għal Bahinskaya — armata bil-bandiera ħamra u bajda preċedenti tal-pajjiż fuq arblu twil, hija ilha tipparteċipa f’dimostrazzjonijiet minn sew qabel l-elezzjonijiet reċenti tal-Belarus.

Il-bużnanna ilha tipparteċipa f’dimostrazzjonijiet fil-pajjiż sa mill-1988, minn talba għall-arrest ta’ priġunieri politiċi għall-protesti kontra t-twaqqigħ ta’ sit ta’ rikordju għall-vittmi tal-eżekuzzjonijiet tal-massa li kienu jseħħu fi żmien is-Sovjetiċi.

Il-bandiera, li issa hija pprojbita fil-Belarus, saret ferm popolari fost il-protestanti tal-oppożizzjoni bħala simbolu kontra Lukashenko.

Meta l-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet ħatfu l-bandiera ta’ Bahinskaya wara protesta fit-tmiem ta’ Awwissu, ittieħed vidjo tal-mument meta hi kkonfrontat lill-uffiċjal.