Ta’ 6 snin jispiċċa jiekol waħdu għax ħadd ma mar għall-festin ta’ għeluq sninu

Tifel ta’ sitt snin spiċċa biex kellu l-iktar ġurnata diżappuntanti wara li ħadd minn sħabu ma attenda għall-festin ta’ għeluq sninu.

Teddy minn Tucson f’Arizona fl-Istati Uniti stieden 32 minn sħabu tal-iskola għal pizza party f’wieħed mir-ristoranti tal-pizza lokali, imma ħadd minnhom ma’ mar. Riżultat ta’ dan, dik li suppost kellha tkun ġurnata mimlija ferħ u ikla mal-ħbieb spiċċat biex Teddy spiċċa jiekol waħdu fir-ristorant.

Omm Teddy, Sil Mazzini, ħadet ritratt ta’ binha waħdu mal-mejda li suppost kellu jkun hemm sħabu mdawwrin magħha, ritratt li seraq qalb kull min rah u li ġibed is-simpatija ta’ ħafna. Ommu qalet li kienet avżata minn xi wħud mill-ġenituri ta’ dawk mistiedna li ma setgħux imorru, madanakollu stqarret li ma stennietx li ħadd ma kien se jattendi.

If you get a chance please wish Teddy a Happy Birthday. His mom sent me this after his friends weren't able to make it to his birthday party.

Posted by Nick VinZant on Sunday, October 21, 2018

Sil kienet laħqet preparat 32 basket żgħir (goodie bags) u qassmithom flimkien mal-invit tal-festin. Hija saħansitra kienet tkellmet ma’ wħud mill-ġenituri tal-mistiedna lejliet il-festin biex dawn jikkonfermaw jekk uliedhom kienux se jmorru.

Fortunatament, hekk kif dan ir-ritratt xtered mal-midja soċjali, Teddy rċieva diversi messaġġi ta’ kuraġġ u awguri kif ukoll diversi rigali, inkluż dawra b’limużin minn nies tal-lokal fejn joqgħod bil-għan li jpattulu għan-nuqqas ta’ sħabu li kienu mistiedna.