“Ta’ 6 snin ġie jgħidli li ħariġlu l-ħajt fin-nofs” – omm

Boy crying

Omm u nanna ta’ 62 sena telgħet il-Muntanja Everest fit-trobbija ta’ Peter*, wieħed mit-tliet uliedha.

Waqt il-programm Il-Ħajja Sabiħa fuq RTK 103FM Simone* qasmet il-kalvarju li għaddiet minnu għal ħafna snin. Semmiet fost l-oħrajn meta ta’ sitt snin, Peter mar ħdejha bid-demm nieżel minn rasu u qalilha li ħariġlu l-ħajt għan-nofs.

Stqarret li ħaditha bi kbira ħafna u bdiet titħasseb li binha għandu problema mentali.

Simone fissret il-martirju li għaddiet minnu speċjalment għax ħadd ma kien jifhimha, lanqas tal-familja u t-tobba. Meta kien għadu tarbija, it-tobba kienu saħansitra jgħidulha li t-tifel ma kienx jorqod u kellu enerġija żejda għax kien imfissed.

Intervistata mill-psikjatra Dr Joe Cassar u l-psikologa Dr Anna Cassar, Simone qalet kif it-triq għall-kura bdiet meta ta’ erba’ snin, binha waqa’ minn fuq vann u ħabat rasu. Spjegat kif żammewh l-isptar minħabba concussion ħafifa, u xahar wara riedu jarawh l-outpatients.

Minn hemmhekk bdiet tieħdu ċ-Child Development and Assassement Unit (CDAU) u eventwalment sabet l-għajnuna li kellha bżonn.

Irriżulta li Peter kellu l-ADHD u dislessja, b’Simone jkollha taffaċċja problemi anke l-iskola fejn ma ridux jaċċettawh qabel ma jsibulu LSA dedikata għalih biss. Madanakollu, Simone qatt ma qatgħet qalbha u llum kuntenta għal Peter, li llum jgħix ħajja normali, b’saħħtu, isiefer u ilu sentejn miżżewweġ.

*isem fittizju