“Ta’ 5 snin rajt lil missieri joqtol lil ommi b’sikkina”

qtil tifel missier omm imdejjaq

Ta’ ħames snin, it-tifel kien moħbi taħt il-mejda u minn taħt it-tvalja ra lil missieru joqtol lil ommu b’sikkina, quddiemu. Meta ra lil ommu mal-art, it-tifel ħass li jipprova joħroġ is-sikkina mingħand ommu, imma ma rnexxilux. Imbagħad waslet in-nanna li ppruvat issalva lill-mara imma ommu kienet mietet. Il-missier weħel 12-il sena ħabs.

Id-Direttur tal-Prison Fellowship Malta, Mark Vella irrakkonta din l-istorja fil-programm Ta’ Kulħadd fuq RTK. Jgħid li din kienet “esperjenza kbira li ma jinsiha qatt”, meta ltaqa’ ma’ bniedem li kien jidher tough u jidher li ma jonqsu xejn u ddeċieda li jkun aħjar iħallih kwiet u ma jkellmux. Iżda darba dan ir-raġel iddeċieda li jmur fuqu hu u jkellmu dwar il-ħajja iebsa.

Irrakkuntalu kif kiber b’ħafna mistoqsijiet ġo fih. Għaliex missieru qatel lill-ommu? Għalfejn hu spiċċa hekk? Kien joħroġ mill-iskola u jara lil ommijiet jistennew lit-tfal tagħhom. It-tifel x’reat għamel? Ix-xokk ta’ dak li ra quddiemu kif se jegħlbu? X’tort kellu?

Mark Vella jgħid li dawn huma affarijiet li jispjegaw għalfejn persuna tispiċċa l-ħabs. Iżda qal li ma jistax jagħti iktar dettalji dwar il-każ għax il-persuna involuta tispiċċa tneħħi ħajjitha b’idejha. Spjega li huwa ta’ dispjaċir li persuni tant isibu dlam ma’ wiċċhom li ma jkunu jistgħu jsibu l-ebda xaqq ta’ dawl quddiemhom. Spjega kif ir-rwol tal-Prison Fellowship hu li tagħti tama lill-persuna li għaddejja minn żmien diffiċli u li tgħin lill-persuna tevita l-ħajja ta’ kriminalità.

Il-Prison Fellowship Malta qed tappella għall-voluntiera li jistgħu “jaddottaw” priġunier u jżuruh għal 45 minuta, darba f’ġimgħa jew kull ħmistax fil-ħabs. L-għaqda voluntiera timxi fil-passi tal-Vanġelu: “Kont il-ħabs u ġejt iżżurni”, u ilha taħdem mal-priġunieri u l-qraba tagħhom għal 25 sena.

Jekk tixtieq tgħin, tista’ tidħol fil-paġna fuq Facebook: Prison Fellowship Malta jew iċċempel lil Mark Vella fuq 99820726 għal iktar informazzjoni. Ċekkijiet jistgħu jintbagħtu fl-indirizz: Prison Fellowship Malta PO Box 35 Paola PLA 1001