Ta’ 4 snin ma tibagħtux skola: “Lil ibni rridu jgawdi l-ħajja”

Omm fir-Renju Unit qed tirrifjuta li tibgħat lil binha ta’ erb’ snin l-iskola din is-sena għax qed tinsisti li għadu wisq żgħir biex jibda jmur l-iskola ta’ kuljum.

Stanley Hutchinson kellu jibda l-iskola ġimgħatejn ilu, madanakollu qed jibqa’ jqatta’ l-ġranet tiegħu d-dar ma’ ommu Emma u ħuh iż-żgħir. Emma li għandha 38 sena qalet li trid li binha jkun jista’ jgawdi l-ġranet tat-tfulija tiegħu b’mod ħieles u li jżommu ferħan. Stanley twieled f’Ġunju u għaldaqstant huwa wieħed mill-iżgħar fis-sena tiegħu fl-iskola. Minkejja li ma għandux bżonnijiet speċjali, il-ġenituri tiegħu jemmnu li għandu jibda jmur l-iskola malli jgħalaq il-ħames snin u mhux qabel.

Fil-blogg tagħha spjegat li għal din is-sena, Stanley se jkun qed jattendi l-kindergarden għal xi ġranet, u jqatta’ l-ħin ma’ ħutu, jilgħab barra u jiżviluppa bil-pass tiegħu.

L-omm tinsisti li t-tfal fir-Renju Unit jibdew l-iskola kmieni wisq u temmen li t-tfal ma għandhomx jibdew skola qabel ma jagħlqu s-seba’ snin u jkunu kemm emozzjonalment u anke fiżikament lesti għall-istress li jġib miegħu dan il-perjodu ta’ ħajjithom.