Ta’ 3 xhur fl-Assemblea tan-Nazzjonijiet Magħquda

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern qalet li tittama li d-deċiżjoni li ġġib it-tarbija ta’ tliet xhur għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, “tiftaħ toroq għal nisa oħra”. Bint Ardern, Neve kienet fl-udjenza waqt li ommha indirizzat l-assemblea, u missierha Clarke Gayford żamm it-tarbija.

Il-PM ta’ New Zealand qalet li trid li tkun xi ħaġa normali li bintha tattendi attivitajiet tax-xogħol. Qalet li “jekk irridu l-postijiet tax-xogħol ikunu iktar miftuħa, irridu naċċettaw l-isfidi loġistiċi billi nkunu iktar miftuħa biex niftħu toroq oħra għall-ommijiet.”

Ardern hi biss it-tieni mexxejja ta’ pajjiż li kellha tarbija waqt li kienet President, wara l-eks-Prim Ministru tal-Pakistan, Benazir Bhutto. Wara li welldet fil-21 ta’ Ġunju, Ardern ħadet sitt ġimgħat leave qabel daħlet lura għax-xogħol. Żewġha, preżentatur fuq it-televixin, joqgħod id-dar biex jieħu ħsieb it-tarbija.

Ardern qalet li tirrikonoxxi li għandha l-għajnuna tal-assistenti tagħha meta żewġħa jkollu bżonn jaħdem ukoll. Qalet li laqatha l-fatt li għadd ta’ nisa u rġiel qalu li jagħmlu l-istess affarijiet bħalha fit-trobbija ta’ uliedhom. Qalet li tqanqlet ħafna diskussjoni u dan tajjeb sabiex il-ħaġa ssir iktar normali.

Ardern, hija l-iżgħar Prim Ministru tal-pajjiż f’150 sena u temmen li rnexxielha tibbilanċja li jkollha tifla żgħira waqt li qed taħdem, bl-għajnuna tal-pubbliku ta’ New Zealand. Qalet li l-pubbliku taha appoġġ kbir u laqagħha mindu ħabbret li qed tistenna tarbija. Qalet li dan kollu jgħinha tikklassifika lill-pajjiżha bħala progressiv ħafna. Temmet tgħid li tħossha kburija ħafna bin-nazzjon tagħha.