Ta’ 23 sena arrestat għat-traffikar tad-droga fil-Birgu

Żagħżugħ ta’ 23 sena ġie arrestat fuq akkużi tat-traffikar tad-droga fil-Birgu.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-arrest sar llum waranofsinhar. Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestat liż-żagħżugħ residenti l-Birgu, b’ammont ta’ droga, lesta sabiex tkun ittraffikata.

“Wara ġranet ta’ sorveljanza fuq il-movimenti ta’ dan iż-żagħżugħ, illum waranofsinhar il-Pulizija segwiet vettura li kienet qiegħda tinstaq miż-żagħżugħ sakemm ġiet iċċirkondata fi Triq San Lawrenz, qrib il-Monument tal-Ħelsien, fil-Birgu,” qal il-Korp.

Iż-żagħżugħ ġie arrestat u minn tfittxija li saret fil-vettura, il-Pulizija sabu “ammont konsiderevoli ta’ qratas, suspettati bil-kokaina u eroina.”

Iż-żagħżugħ ittieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Floriana għal aktar stħarriġ.