Żagħżugħa ta’ 20 sena għamiet minn għajn waħda wara li ntlaqtet minn mewġa f’bajja f’Malta s-sena l-oħra.
Il-Ħamis li għadda fuq paġna għall-ġbir tad-donazzjonijiet, Miyako-Jazzmin Aiko-Murray qalet li l-inċident seħħ f’Settembru tal-2018 waqt li kienet Malta fuq btala mal-familja. Marret tgħum u ntlaqtet minn mewġa.
Insiet li kellha contact lens f’għajnejha l-leminja u daħlilha l-ilma fiha. Aktar tard matul il-ġurnata għajnejha ħmaret u wara ġimgħa beda l-uġigħ.
Fl-istess xahar l-ugigħ kiber u ddeskriviet li kienet qed tħoss qisha biċa tal-metal f’għajnejha. Aiko-Murray ma feltħitx bl-ugigħ u marret l-isptar. Sarulha ħafna testijiet sa kemm fl-aħħar skoprew li kellha kundizzjoni rari – Ancanthamoeba keratitis. Kellha tpoġġi mediċina f’għajnejha kull siegħa għal xahar. Dan kien ifisser li ma setgħetx torqod.
Iż-żagħżugħa qalet li minkejja dan kollu baqgħet tmur għax-xogħol u għall-appuntamenti l-isptar kull ġimgħa. F’Diċembru tal-2019, tilfet ix-xogħol tagħha minħabba l-kundizzjoni li kellha.

Aiko-Murray qalet li f’Marzu tal-2019 qabdet infezzjoni oħra sekondarja. Lejl minnhom qamet u ma setgħet tara xejn. Il-konsulenti qalu lill-familja tagħha li ż-żagħżugħa għamiet. “Qatt ma ħassejtni daqshekk dipressiva,” qalet iż-żagħżugħa.
F’Settembru tal-2019, Pearl Murray, bdiet tiġbor donazzjonijiet għaż-żagħżugħa biex tkun tista’ titgħallem il-mużika u biex ittaffi mill-ispejjeż mediċi. Fi ftit jiem, intlaħqet il-mira tad-donazzjonijiet.
X’inhi Acanthamoeba keratitis?
Skont l-NHS, Acanthamoeba keratitis (AK) hija infezzjoni tal-kornea, it-‘tieqa’ iċ-ċara fuq quddiem tal-għajn. Din l-infezzjoni tista’ tikkawża ħafna uġigħ. Tiġi mill-organiżmu mikroskopiku Acanthamoeba li jinstab fl-ilma.
AK hija l-aktar komuni f’persuni li jilbsu l-contact lenses.