Ta’ 19-il sena arrestat wara serq minn lukanda

Read in English.

Żagħżugħ ta’ 19-il sena kien arrestat matul il-lejl li għadda f’San Pawl il-Baħar b’rabta ma’ serqa minn lukanda.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li għall-ħabta tal-11.30pm, il-Pulizija kienu infurmati minn xi ħaddiema ta’ lukanda, li tinsab fi Triq il-Qawra, li persuna allegatament serqet cash register minn ġo restorant tal-istess lukanda. Huma qalu wkoll li għandhom suspett f’raġel li kien fil-viċinanzi tal-lukanda.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post, fejn fi Triq l-Artikli f’San Pawl il-Baħar, innutaw żagħżugħ suspettuż li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ġew mgħotija. Iż-żagħżugħ minn Ħal Tarxien ġie arrestat minnufih u minn tfittxija li saret fuqu nstab li kellu ammont konsiderevoli ta’ muniti fuqu.

Iż-żagħżugħ ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.