Ta’ 18-il sena jsibulu d-droga f’dar fil-Belt; jinżamm taħt arrest

Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti l-Belt Valletta, li ġie arrestat ilbieraħ wara li nstabitlu d-droga u kien riċediv, inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti dalgħodu.
Fi stqarrija, il-Pulizija kkonfermat li sabet madwar 10 grammi rispettavament ta’ sustanza bajda u kannella suspettata kokaina u eroina u ammont konsiderevoli ta’ droga suspettata ħaxixa tal-kannabis.
Fil-Qorti l-Pulizija spjegaw kif iż-żagħżugħ ammetta magħhom li d-droga kienet tiegħu u li kien fil-ħsieb li jbiegħha. Għaldaqstant ma żvelax mingħand min ġab id-droga.
Id-difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ u għalhekk il-Maġistrat Joe Mifsud laqa’ t-talba tal-prosekuzzjoni biex jinżamm taħt arrest fil-Faċilita Korrettiva tal-Imtaħleb (YOURS) u jiġu ffriżati l-assi tiegħu.