Ta’ 17-il sena maqtula f’Londra

Tfajla ta’ 17-il sena inqatlet fi sparatura fit-Tramuntana ta’ Londra filwaqt li tifel ta’ 16-il sena qed jiġġieled għal ħajtu fit-tieni sparatura li seħħet dal-lejl fil-kapitali Ingliża.
Il-Pulizija ta’ Scotland Yard ikkonfermaw li rċivew rapport ta’ sparatura fid-9.35pm fi triq f’Tottenham.
Tfajla oħra ta’ 21 sena rrakuntat kif il-vittma kienet qed tieħu gost ma' sħabha meta xi ħadd sparalha minn karozza “għall-ebda raġuni”.
Kompliet tispjega li l-karozza mxiet viċin u sempliċiment bdew jisparaw.
L-uffiċjali tal-Pulizija marru fuq il-post akkumpanjati minn ambulanza u tim mediku u sabu lit-tifla feruta. Qalu li minkejja l-isforzi li saru, it-tifla ġiet iddikjarata mejta fuq il-post fil-10.45pm.
Il-Pulizija Metropolitana qalet li l-familjari tafgħha ġew magħrfa bil-każ iżda ma ħadd għadu ma ġie arrestat sa issa.
Rapporti internazzjonali qalu li dawn l-inċidenti seħħew fi żmien fejn f’Londra qed tikber il-biża’ li l-kriminalità vjolenti qed tgħolli rasha.
Il-Ħadd li għadda, żagħżugħ ta’ 20 sena sar il-31 vittma ta’ din is-sena li nqatel b’daqqa ta’ sikkina f’Londra. Huwa miet fit-triq, ftit wara li ħareġ minn bar.
Il-Kummissarju tal-Pulizija waħħlet fil-mezzi soċjali li qed ikabbru l-inċidenti vjolenti billi qalet li l-fora onlajn jgħinu t-theddida biex jikber b’mod mgħaġġel.