Ta’ 17-il sena jhedded u jinsulta lil ommu; arrestat

Żagħżugħ ta’ 17-il sena qed jinżamm arrestat wara li għamel xenata f’għassa tal-Pulizija, fejn anke hedded u insulta lil ommu.

Waqt l-istess inċident, iż-żagħżugħ allegatament hedded surġent  u injora l-isforzi ta’ uffiċjali oħra li ppruvaw jikkalmawh. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih fosthom li kien reċediv dwar akkużi simili ta’ vjolenza domestika.

L-avukat tal-Għajnuna Legali qal li dan l-inċident eskala fl-għassa, u li ma kien hemm l-ebda vjolenza fiżika. Żied jgħid li possibilment l-imġiba tal-akkużat hi marbuta ma’ problemi ta’ kif jimmaniġġja r-rabja.  Stqarr li omm it-tifel kienet lesta tieħdu d-dar magħha.

Il-Prosekuzzjoni rribattiet li l-akkużat irrifjuta li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija li intervjenew biex jikkalmaw is-sitwazzjoni.

Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, bil-Maġistrat Astrid May Grima tirrakkomanda li jinżamm fil-faċilità YOURS.

Dwar il-każ mistennija jitressqu xi xhieda.