Ta’ 16-il sena tista’ twaqqaf NGO f’Malta

Bl-emendi fl-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji, iż-żgħażagħ tas-16-il sena issa se jkunu eliġibbli biex iwaqqfu għaqda mhux governattiva.

Barra minn hekk, dawk l-għaqdiet li jkollhom dħul ta’ aktar minn €5,000 fis-sena, ikunu obbligati li jirreġistraw mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, li b’dawn l-emendi, qed jingħata aktar poter. Dawk l-għaqdiet, imbagħad, li jdaħħlu inqas minn €5,000 fis-sena, se jiġu mitluba jgħarrfu lill-istess uffiċċju.

Fl-istqarrija mibgħuta mis-Segretarjat Parlamentari għall-Għaqdiet tal-Volontarjat, huwa spjega li bħalissa hemm madwar 1,600 organizzazzjoni volontarja rreġistrata mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.

B’dawn l-emendi, il-Kummissarju se jkollu s-setgħa li jitlob għal ċerta informazzjoni mingħand l-għaqdiet, fosthom il-kontijiet finanzjarji tagħhom.