Ta’ 15-il sena jerġa’ jidher fil-Qorti għax prova jisraq

Read in English.

L-adolexxent ta’ 15-il sena reġa’ tressaq il-Qorti wara li allegatament prova jerġa’ jisraq. Aktar kmieni dan ix-xahar huwa kien akkużat li kkommetta tmien serqiet f’Wied il-Għajn u kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-akkużat li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti kien arrestat mill-Pulizija lbieraħ wara li allegatament huwa kien qed jerġa’ jipprova jisraq.

Il-Maġistrat Joe Mifsud wissa liż-żagħżugħ biex jibdel ħajtu qabel ikun tard wisq. Żied li l-każ se jinstema’ quddiem il-Qorti Ġuvinili. Il-Maġistrat spjega liż-żagħżugħ li huwa kien se jittieħed fit-taqsima tal-ħabs fejn jinżammu ż-żgħażagħ, il-YOURS u ssuġerilu biex joqgħod jimmedita fuq ħajtu. Il-Maġistrat żied jgħidlu li ma jaħsibx li jixtieq iqatta’ ħajtu dieħel u ħiereġ il-ħabs.

L-Ispettur Eman Hayman akkuża liż-żagħżugħ li prova jisraq minn blokka appartamenti f’Wied il-Għajn kif ukoll li kiser il-kundizzjoni tal-ħelsien mill-arrest.

Fl-1 t’Ottubru l-adolexxent kien tressaq il-Qorti akkużat li matul ix-xhur t’Awwissu u Settembru huwa kien wettaq numru ta’ serqiet f’Wied il-Għajn. Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €2,000 u tpoġġa’ taħt ordni ta’ supervizjoni.

L-Avukat Fransina Abela qed tidher għall-akkużat.