“Ta’ 14-il sena kien jgħin lil missieru fil-kċejjen ta’ Kastilja” – Għaqda Duminku Mintoff

L-Għaqda Duminku Mintoff, li twaqqfet mal-mewt tal-eks-Mexxej Laburista u eks-Prim Ministru, għada se tagħlaq ħames snin mit-twaqqif tagħha.
F’Awwissu tal-2012, l-għaqda twaqqfet bil-għan li żżomm lil Duminku Mintoff ħaj fost il-Maltin u l-barranin. Dan għamlitu bit-tnedija ta’ numru ta’ kotba u filmati, li bihom riedet ixxandar min vera kien Duminku Mintoff.
Fi stqarrija, l-għaqda qalet li ta’ 14-il sena, Mintoff kien jgħin lil missieru fil-kċejjen ta’ Kastilja. Sar il-Prim Ministru ta’ Malta għall-ewwel darba fl-1955, iżda rriżenja fl-1958. Fl-1971 reġa’ sar Prim Ministru.
L-għaqda qalet li fost ħafna affarijiet, Mintoff jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu biex Malta ssir Repubblika, għall-paga minima, għall-Air Malta u għall-ugwaljanza tan-nisa.  
L-Għaqda Duminku Mintoff temmet billi ddeskriviet lil Mintoff bħala “personaġġ li dejjem ġab lil Malta l-ewwel u qabel kollox.”
Ritratti: Għaqda Duminku Mintoff