Ta’ 14-il sena jikkontesta biex jiggverna

Illum, Ethan Sonneborn, kandidat Demokratiku li qed jaspira li jsir gvernatur ta’ Vermont fl-Istati Uniti se jkun qed jiddibatti kontra erba’ politiċi oħrajn. L-unika differenza bejniethom hija li Sonneborn għandu biss 14-il sena.

Minkejja li bosta jaf jgħidu jekk din il-ħaġa mhix legali, jidher li fl-istat ta’ Vermont ma hemm l-ebda rekwiżit fuq l-età li wieħed għandu jkollu biex jikkontesta. Wieħed huwa mitlub biss li jkun residenti fil-post. Għal din ir-raġuni Sonneborn jista’ jikkontesta.

Sonneborn iddikjara l-kandidatura tiegħu għal governant f’Awwissu tas-sena l-oħra imbagħad qal lill-ġenituri tiegħu dwarha. Is-segretarju tal-istat imbagħad ikkonsulta mal-Avukat Ġenerali u ġie deċiż li jitħalla jikkontesta jekk il-ġenituri jiffirmaw li jagħtu l-permess lil binhom jagħmel dan.

F’Mejju, Sonneborn irnexxielu jikseb biżżejjed firem sabiex ismu jiżdied fil-karta tal-vot għall-elezzjonijiet li se jsiru fl-14 ta’ Awwissu.

Minkejja li hija diffiċli li tifel ta’ 14-il sena jikkompeti ma’ persuni adulti li għandhom aktar esperjenza u huma aktar viżibbli fil-pubbliku, Sonneborn jemmen li l-kampanja elettorali tiegħu hija tajba biżżejjed biex titfi l-fatt li għadu żgħir.

Jekk jirbaħ din l-elezzjoni hu jidher fuq il-karta tal-vot bħala l-kandidat li jkun qed jinnomina l-Partit Demokratiku.

Sonneborn jinsab determinat li jżid il-kontribuzzjoni taż-żgħażagħ fil-proċess politiku.