Ta’ 14 allegatament abbużata sesswalment fil-Karnival tan-Nadur

Arkivji

Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ allegat reat sesswali fuq tifla ta’ 14-il sena waqt il-Karnival tan-Nadur.

Kelliem għall-Pulizija qal lil Newsbook.com.mt li r-rapport dwar il-każ daħal fi tmiem il-ġimgħa tal-Karnival li beda fil-21 ta’ Frar. Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Monica Vella.

Waqt il-Karnival tan-Nadur il-Pulizija rċeviet ukoll rapport dwar allegat vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi. Tliet persuni ġew arrestati b’rabta ma’ dan il-każ. Dawn tressqu l-Qorti. Il-proċeduri għadhom għaddejjin.

Fil-Karnival tal-2014, tmien persuni kellhom jittieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dik is-sena fil-ħamest ijiem tal-karnival, 41 persuna b’kollox ingħataw l-ewwel għajnuna mill-Emergency Response and Rescue Corps. Il-maġġoranza tal-vittimi soffrew minn konsum eċċessiv ta’ alkoħol, imma kien hemm min sofra feriti u ksur f’rasu. Ġurnata minnhom, il-voluntiera assistew ukoll fi tfittxija ta’ tifel ta’ erba’ snin.