Ta’ 12-il sena jqabbad il-ħaxix fl-Awstralja; għexieren evakwati

AAP Image/Jason O'Brien/via REUTERS

Tifel ta’ 12-il sena qabbad ħaxix fl-Awstralja li wassal sabiex għexieren ta’ persuni jiġu evakwati minn djarhom. Simili għall-każ, kien hemm żewġ tfajliet li qed jiġu interrogati dwar nirien f’parti oħra tal-istat Queensland.

Riħ qawwi wassal biex 140 nar li tqabbad fit-tramuntana ta’ Queensland u New South Wales jinfirex. Jidher li madwar tmienja minnhom huma suspettużi. Dan skont il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Queensland. Hi qalet li ġew interrofati tliet itfal.

It-tifel ta’ 12-il sena kien interrogat wara li grupp ta’ tfal instabu f’żona mħaddra fi Brisbane. Hu qabbad nar li nfirex lejn maħżen fil-viċin, qered żewġ ċnut u żewġ kontejners tal-merkanzija.

Il-Pulizija interrogaw ukoll żewġ tfajliet ta’ 14-il sena dwar nirien f’Gold Coast.

Fi Queensland biss, kien hemm mal-400 persuna evakwati fi djarhom. Fi New South Wales, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar issieltu ma’ 55 każ ta’ nirien. Ħames propjetajiet inqerdu totalment.