“Ta’ 10 snin qtilt lil oħti bi żball”; Fi Florida

Sean Smith kellu biss 10 snin meta sab arma tan-nar fid-dar tiegħu li ħaseb li kienet ġugarell, inċedentalment spara lil oħtu f’qalbha u qatilha. Il-każ kien seħħ 30 sena ilu f’Fort Lauderdale fi Florida.

F’intervista mxandra minn BBC, ġie spjegat kif Smith sab l-arma tan-nar f’kexxun fil-kamra ta’ missieru meta hu u oħtu kienu waħedhom id-dar. L-arma kien fiha l-balal hekk kif il-ġurnata ta’ qabel kienu saru xi serqiet miż-żona u l-missier ried jipproteġi lil familtu.

Smith spjega li ħaseb li l-arma kienet waħda finta u pprova jippuntaha lejn it-tieqa. Oħtu beżgħet u ppruvat tmur ħdejh biex tgħidlu jpoġġi l-arma lura f’postha meta inċidentalment l-arma ħadet u l-balla laqtet lit-tifla direttament f’qalbha.

Hu sostna li jiftakar il-każ qisu lbieraħ u qatt ma nesa l-immaġni ta’ oħtu tmut fuq saqajh. Telefonata lill-Pulizija mxandra fil-filmat turi lit-tifel jirrapporta l-każ u jitlob lill-Pulizija biex iġibu lil ommu u lil missieru d-dar għax oħtu qed tmut. Qalilhom li kien sparalha u kienet qed tifga.