Symposium Inter-Reliġjuż dwar ir-Reliġjon u l-Etika fil-Mediċina

Il-Knisja tinsisti fuq il-valur tal-kura paljattiva

Fil-jiem li għaddew l-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja u l-World Innovation Summit for Health (WISH), inizjattiva tal-Fondazzjoni Qatar, organizzaw symposium speċjali bit-tema: :Ir-Reliġjon u l-Etika fil-Mediċina: il-Kura Paljattiva u s-Saħħa Mentali fix-Xjuħija”.

Din il-laqgħa kienet dedikata għar-rwol tar-reliġjon fil-kura integrali fil-kuntest tal-etika fil-mediċina fejn kienu enfasizzati l-benefiċċji tal-ħidma inter-dixxiplinari u inter-reliġjuża fil-kura tal-ġisem, il-moħħ u r-ruħ.

Mons. Vincenzo Paglia, President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja qal li s-symposium iffoka fuq żewġ oqsma tal-kura medika: il-kura paljattiva u s-saħħa mentali fl-anzjani. Fuq naħa “qed naraw li l-popolazzjoni dejjem qed tixjieħ u fuq in-naħa l-oħra hemm il-kultura tal-ewtanasja fejn pazjenti terminali u persuni ta’ età avanzata qed jitqiesu bħala “oġġetti għar-rimi” f’dinja bażata fuq il-profitti u l-ekonomija u fejn il-politika dwar is-saħħa ħafna drabi tkun ridotta għal sempliċi metalità tal-flus”.

Madankollu, żied jgħid Mons. Paglia “Aħna nafu kemm il-kura paljattiva tista’ tfejjaq u takkumpanja lill-pazjenti fil-kuntest tal-mediċina kontemporanja. U nafu li nistgħu noffru kura, anke meta ma nistgħux infejjqu jekk nagħrfu nibbilanċjaw il-kura tal-persuna ma’ aspetti ekonomiċi”.

Hu enfasizza wkoll li għalkemm il-bniedem jeħtieġ li jkun akkumpanjat “f’mumenti fraġli”, dan hu aktar importanti fejn jidħlu t-tfal – moment delikat u diffiċli: il-kura paljattiva għat-tfal għax nafu li “meta s-sofferenza tolqot lit-tfal, tolqot lilna wkoll

L-impenn tal-Knisja

Il-President tal-Akkademja Pontifiċja tkellem dwar l-impenn ta’ din l-organiżazzjoni fejn tidħol kultura favur il-kura paljattiva mill-Knisja Kattolika madwar id-dinja, biż-żamma taż diversi konferenzi internazzjonali, bl-iffirmar ta Dikjarazzjoni Komuni mal-Knisja Metodista fl-Istati Uniti u bl-iffirmar ta’ Dikjarazzjoni Komuni oħra mas-Sultana Afdhal fil-Brazil, il-Lebanon u -Qatar.

Mons. Paglia rrifera wkoll għal Position Paper fuq is-suġġett ta’ tmien il-ħajja u l-kura paljattiva li kien iffirmat fil-Vatikan fit-28 ta’ Ottubru li għadda mar-rappreżentanti tat-tliet reliġjonijiet Abramiċi u l-Ktieb l-Abjad dwar il-Promozzjoni u t-Tifrix tal-Kura Paljattiva fid-Dinja li kien preparat minn grupp ta’ esperti internazzjonali.

Karattru Inter-reliġjuż

Min-naħa tagħha, Sultana Afdhal tkellmet dwar in-natur inter-reliġjuża tas-Symposium u l-parteċipazzjoni ta’ esperti fil-fidi u fil-mediċina u qalet li dan offra opportunità inestimabbli biex wieħed jifhem aħjar id-dilemma etika reali li l-professjonisti fis-saħħa jiffaċċjaw meta jkunu qed jindirizza dan is-suġġett delikata ma’ persuni ta’ reliġjonijiet differenti.

Hi qalet li djalogu inter-reliġjuż u inter-dixxiplinari dwar il-kura paljattiva u s-saħħa mentali fl-anzjani tal-komunitajiet tagħna hu essenzjali biex ikun stabbilit ħsieb komuni. Dan għandu jgħin biex jinsatbu aktar modi effettivi biex nagħlqu d-differenzi fl-aspett etiku bażat fuq il-fidi.