Swiet €13,000 il-konferenza dwar miżuri tal-COVID-19

robert-abela

Read in English.

Konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Gvern dwar l-għajnuna finanzjarja li se jagħti lis-settur privat swiet madwar €13,000.

Din l-ispiża għall-attività li damet madwar siegħa ġiet żvelata mill-PM Robert Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Il-konferenza tal-aħbarijiet saret filgħaxija fl-24 ta’ Marzu fil-lukanda Excelsior fil-Furjana. Abela qal li swiet €12,693 (VAT eskluż).

Din l-konferenza saret biex jiġi ppreżentat pakkett aġġornat ta’ miżuri maqbul mal-imsieħba soċjali fl-MCESD, fejn dan il-pakkett huwa maħsub li jkompli jibni fuq ta’ qabel. Dan  sar biex tingħata l-għajnuna lis-settur privat fl-agħar sitwazzjoni li l-pajjiż qed jiffaċċja mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn,” qal Abela.

Spjega li n-nefqa tal-Gvern għall-mizuri diretti kollha se tkun ta’ madwar €65-70 miljun kull xahar.

Azzopardi xejn ma kien kuntent meta skopra kif intefqu l-flus tal-Maltin.

“Robert Abela berbaq €13,000 (eskluż VAT) biex għamel konferenza tal-aħbarijiet dakinhar li miskin qalilna li ħa joffri xahar paga,” kiteb Azzopardi fuq Facebook.

Robert Abela berbaq €13,000 (eskluz VAT) biex ghamel konferenza tal-ahbarijiet dakinhar li miskin qalilna li ha joffri xahar paga

Posted by Jason Azzopardi on Monday, April 27, 2020

Dakinhar tal-konferenza l-Gvern ħabbar li se jħallas €800 fix-xahar lill-ħaddiema tar-ristoranti u tal-akkomodazzjoni fost oħrajn. Abela żvela pakketti ta’ għajnuna ġodda wara li kien taħt pressjoni minn diversi entitajiet biex il-Gvern ikun aktar ġeneruż.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn