Swieqi United iwittu t-triq għall-10 snin li ġejjin

Swieqi United ħabbru l-pjanijiet li għandhom lesti għall-istaġun li ġej. Il-President tal-klabb Dr Justin Fenech qal li din is-sena se tkun il-11-il sena tal-klabb. Skont Fenech, din is-sena se tkun il-bażi fuq xiex se jinbnew l-għaxar staġuni li jmiss għall-klabb.

Hu saħaq fuq l-importanza li l-klabb ikun konxju ta’ dak li hemm madwaru. Hu għamel referenza għall-aspett komunitarju li għandu l-klabb, filwaqt li wera apprezzament lejn dawk l-individwi li b’mod volontarju għenu u qed ikomplu jgħinu biex l-istorja ta’ Swieqi United tkun ta’ suċċess.

Waqt din l-attività tkellmu numru ta’ persuni oħra li spjegaw x’inhuma l-miri u l-attivitajiet li l-klabb għandu mħejjijha għall-istaġun li ġej.

Il-President tal-klabb għalaq id-diskors billi qal li l-miri tal-klabb kienu minn dejjem li jtejbu l-livell tal-futbol f’Malta u li jgħinu lill-MFA biex tagħmel il-pass li jmiss fil-futbol.