Swali ġodda tal-kirurġija fl-isptar t’Għawdex

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi fetaħ swali ġodda tal-kirurġija ġewwa Għawdex.

Hu qal li dawn is-swali huma mgħammra bl-aqwa teknoloġija, joffru qabża ta’ kwalità, u joffru ambjent mill-aqwa għall-professjonisti li jsarraf fi trattament tal-ogħla kwalità lill-pazjenti li se jużawhom.

Il-proġett sewa’ madwar €4 miljun, u huwa parti minn proġett aktar wiesa’ ta’ investiment fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Fost aktar investiment f’din il-gżira, mistennija jibdew servizzi ġodda ġewwa Għawdex fosthom kliniċi għall-mard taz-zokkor u tal-qalb, u tinfetaħ dementia ward.

Il-Prim Ministru temm jgħid li filwaqt li pajjiżi oħra naqqsu l-investiment fis-servizz tas-saħħa, il-Gvern għaliex kien responsabbli u għaqli fid-deċiżjonijiet li ħa seta’ jkompli jinvesti fis-saħħa.