Suwiċidju: Fondazzjoni Sokkors Fil-Pront – Dr Mark Xuereb

Il-Fondazzjoni Sokkors Fil-Pront (SFP) qed titnieda llum biex tfakkar il-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. Din il-Fondazzjoni Nazzjonali għandha t-tir li tgħin immedjatament lil dawk li jsofru fis-skiet. Din l-għajnuna se tingħata permezz ta’ linja telefonika bla ħlas u 24/7 biex tgħin f’mumenti ta’ kriżi. Se tkun imħaddma minn professjonisti mħarrġa. L-SFP se tkun qed taħdem ma’ diversi entitajiet biex tippromwovi proġetti maħsubin ħalli jonqos jew saħansitra jispiċċa għal kollox s-self-harm, u biex toffri appoġġ lil dawk li jkunu fi kriżi. Se tagħti wkoll pariri professjonali lill-għeżież ta’ dawk li jkunu għaddejin minn kriżi biex dawn ikunu jafu x’għandhom jagħmlu u kif jistgħu jsibu aktar għajnuna.

L-SFP se titmexxa skont linji-gwida msejsin fuq l-evidenza, u hi bbażata fuq il-Befrienders Worldwide li hi l-aktar entità awtorevoli fid-dinja kollha fil-qasam u li welldet lis-Samaritans (l-oħt Ingliża tal-SFP). L-SFP se tintrabat bil-Karta tal-Befrienders li tikkontempla l-“għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ emozzjonali li dawk li huma suwiċidali u/jew għaddejin minn żmien diffiċli’.

B’riħet l-inizjattivi ta’ min ifaħħarhom, organizzati mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, inkluża l-Crisis Resolution Malta (CRM), l-uniku tim Malti ta’ kriżi disponibbli 24 siegħa kuljum/sebat ijiem fil-ġimgħa, Malta saret konxja mir-realtà kiefra ta’ dawn it-traġedji li, bis-sew, jistgħu jiġu evitati. Iva, ir-riċerka turi li jekk ikun hemm linji ta’ appoġġ u timijiet li jgħinu fil-kriżijiet, is-suwiċidji nistgħu nevitawhom. Anki suwiċidju wieħed hu żejjed minħabba fl-uġigħ li jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra kkawżat mis-suwiċidju.

Il-membri tal-familja u ħbieb ta’ dawk li jikkomettu suwiċidju jqattgħu ħajjithom jistaqsu lilhom infushom, “Imma għaliex għamel hekk?”, “Għaliex ma fetħitx qalbha?”, jew – agħar minn hekk – “Għaliex ma ndunajtx?” X’aktarx l-agħar traġedja tkun meta min ikun mikdud mill-ħsieb tas-suwiċidju jkun jixtieq jitkellem dwar is-suwiċidju. Ikun jixtieq iferra’ għomtu ħa joqtol l-uġigħ u mhux lilu nnifsu. Jingħadu ħafna ħmerijiet, bħal ngħidu aħna li jekk titkellem dwar is-suwiċidju tkun qed tħeġġeġ is-suwiċidju – imma dawn ħmerijiet u kulma jagħmlu hu li jaggravaw it-turment ta’ dak li jkun. Min ikun qed jaħseb fis-suwiċidju jkun iridu jgħix hekk malli jirċievi l-għajnuna. Dan ġie kkonfermat kemm-il darba minn min ipprova s-suwiċidju u ma rnexxilux.

Min jgħaddi minn din l-esperjenza (tas-suwiċidju li ma rnexxiex) ta’ sikwit isir jitkellem b’konvinzjoni dwar li s-suwiċidju ma jsolvi xejn. Dan-nies jitkellmu minn qalbhom dwar meta dak li jkun jasal fil-punt li ma jkunx jista’ jara alternattiva għajr li jneħħi ħajtu b’idejh u dwar il-jiem, sigħat u minuti li jwasslu għal dan. Jiddeskrivu li jirrealizzaw li ma jridux imutu imma, minflok, jixtiequ kieku xi ħadd jindaħal u jwaqqafhom.

Meta wieħed jipprova jsib minuta u jitkellem ma’ xi ħabib, qarib jew xi ħadd li qajla jafu u jipprova jsib l-għajnuna professjonali jista’ jibdel il-kors ta’ ħajtu (WHO, 2014). F’Malta, il-CRM ilha mill-2010 tagħmel kampanji biex twebbel lil min ikun f’diffikultajiet sabiex jitkellem. B’riżultat ġew salvati xi 70 ħajja, b’kollaborazzjoni mal-Pulizija u mas-servizzi tal-emerġenza li dejjem taw l-almu kollu tagħhom b’mod mill-aqwa. Il-ftuħ tal-qalb isalva l-ħajjiet. B’xorti ħażina, iżda, mhux kulħadd kien iffortunat biżżejjed.

L-SFP toffri servizz li jsalva l-ħajja. Toffri alternattivi u tħeġġeġ lin-nies jiftħu qalbhom. Irridu nuru li permezz tas-servizzi tal-għajnuna fil-kriżijiet, l-ebda problema ma hi insormontabbli u li l-ħajja, għad li fiha l-isfidi, hi sabiħa avolja mhix perfetta. Irridu lin-nies jgħixu, kif jgħid l-innu tal-SFP “Irridek Tghix”, innu miktub mill-bravu Joe Demicoli – xi ħadd li għamel użu mill-kura tas-saħħa mentali għax kien qed isibha diffiċli jgħix.

L-SFP hi wkoll konxja li s-self-harm “jittieħed”, kemm fil-familja kemm meta nies magħrufin joqtlu lilhom infushom. Fis-sens li l-eżempju jkaxkar, u dawk li huma vulnerabbli jikkupjaw (l-hekk-imsejjaħ ‘Werther Effect’… tiftakrux ‘13 reasons why’ li deher fuq Netflix?).

L-istatistika tikkonferma mingħajr ebda ambigwità l-ħtieġa għal din il-Fondazzjoni. Id-WHO tgħid li għadd li jlaħħaq madwar darbtejn il-popolazzjoni ta’ Malta jwettqu suwiċidju kull sena madwar id-dinja kollha (1 kull 40 sekonda), u li għal kull suwiċidju li jirnexxi hemm 20 li jippruvawh u dan għax ma jkollhomx aċċess għall-kura f’mument ta’ kriżi.

Għal kull mewta, mill-anqas sitta mill-għeżież tal-mejjet jibqgħu milqutin psikoloġikament għal għomorhom (WHO, 2014), ikollhom riskju ogħla ta’ suwiċidju matul il-bqija ta’ ħajjithom (65%) u ma jkomplux jaħdmu jew jistudjaw (85%) (Pitman, 2016).

Is-suwiċidju hu t-tieni l-aktar kawża ewlenija tal-imwiet ta’ dawk ta’ bejn il-15 u 29 sena fid-dinja; fl-ewwel post hemm it-trawma (WHO, 2016). Is-suwiċidju hu l-kawża ewlenija tal-imwiet  ta’ min jabbuża mid-drogi (3 darbiet aktar għall-irġiel, 9 għan-nisa) (Drasigic, 2015). 25% tal-popolazzjoni għandhom diżordni dijanostikabbli ġej minn kawża mentali jew minn użu ta’ drogi, jew it-tnejn (Kessler, 2005). Hu ta’ dieqa li 40% biss jirċievu trattament, u għalhekk is-suwiċidju ta’ sikwit ma jiġix innutat (Wang, 2005).

Il-mard fit-tul, ukoll f’dawk li ma jkollhom l-ebda rekord ta’ problemi ta’ saħħa mentali, jgħolli r-riskju tas-suwiċidju (Ahmedani, 2017). Id-diffikultajiet fit-tfulija wkoll ġew assoċjati ma’ riskju ogħla ta’ suwiċidju fl-adolexxenza. L-ogħla rati ta’ suwiċidju nstabu fost dawk li kienu esposti għas-suwiċidju fil-familja, għad-diżordni psikjatriku fil-ġenituri, u għall-kriminalità tal-ġenituri. L-esperjenzi li jitilfu familthom, id-diffikultajiet fl-integrazzjoni, u l-perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ kura wkoll jistgħu jikkontribwixxu għas-suwiċidju fil-popolazzjonijiet tar-refuġjati (Wasserman, 2017).

Fir-Renju Unit, l-irġiel ta’ mezza età l-aktar li huma f’riskju ta’ suwiċidju għad li hemm tendenza inkwetanti li qed tikber fost dawk iżgħar minn 25 sena (Rapport Annwali tas-Samaritans, 2018). L-istatistika ta’ kull sena tas-CRM u l-figuri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li r-rata ta’ suwiċidju baqgħet stabbli, bi 8 suwiċidji għal kull 100,000 ruħ fil-popolazzjoni (Eurostat, 2015).

Dan ifisser li bejn 30 u 40 ruħ imutu f’Malta għal xejn b’xejn. Is-CRM tirrapporta wkoll li kull sena hawn mal-1,000 ruħ f’Malta li jaħsbu dwar is-suwiċidju, u li tirċievi mal-15-il telefonata fil-ġimgħa, bi nhar u bil-lejl. Kull konverżazzjoni taf iddum aktar minn siegħa.

Biex dan it-tagħrif kollu jingħata użu prattiku, l-SFP se tipproduċi rapport ta’ kull sena li juri l-aspetti demografiċi tas-self-harm u s-suwiċidju, in-natura tagħhom u ċ-ċirkostanzi marbutin magħhom. Dar-rapporti se jagħti feedback dinamiku ħalli ntejbu l-istrateġija nazzjonali tal-prevenzjoni tas-suwiċidju.

B’danakollu, ma kienx dat-tagħrif xejn sabiħ biss li wassalna biex naġixxu. In-nies mhumiex numri. Kull persuna għandha storja li ma tintesiex u ta’ qsim il-qalb kif jingħad fil-kanzunetta ‘Irridek Tghix’. L-SFP għalhekk timpenja ruħha li tagħmel dak li hu meħtieġ u tmur lil hinn mill-kliem sabiħ tal-‘ħolqien ta’ kuxjena’ u daqshekk.

Neħtieġu l-appoġġ ta’ kulħadd ħalli nkomplu l-ħidma tajba li saret minn tant nies, kif tidher fl-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali li tnediet dan l-aħħar. Sadattant, ingħaqdu mal-International Association for Suicide Prevention (li magħha hi affiljata l-SFP) u mal-bqija tad-dinja u ixegħlu xemgħa fuq il-ħoġor tat-tieqa fit-8 tal-lejla għal dawk li ma kellhomx għalfejn imutu għal xejn b’xejn u għal dawk li jinsabu fi kriżi. Imbagħad issieħbu magħna. Ejja nsalvaw il-ħajjiet u nwaqqfu l-uġigħ.

Imbagħad ingħaqdu magħna. Irriduhom jgħixu.

Dr Mark Xuereb