Suu Kyi trid teħles lill-priġunieri politiċi f’pajjiżha

Fi Myanmar, Aung San Suu Kyi ddikjarat li l-Gvern tagħha, fil-ġimgħatejn li ġejjin, se jipprova jeħles lill-priġunieri politiċi, l-attivisti u l-istudenti li bħalissa jinsabu miżmuma l-ħabs.
L-aħbar ħarġet minn tweet li kiteb il-korrispondent tal-BBC għal Myanmar.
Hu stmat li fil-ħabsijiet tal-pajjiż fadal madwar 90 priġunier politiku li ġew arrestati fl-aħħar snin wara protesti.
Skont rapporti internazzjonali, id-dikjarazzjoni uffiċjali tuża l-verb "jipprova" hekk kif it-tmexxija ta' Suu Kyi tinsab f'kunflitt mal-armata, li għandha kwart tal-Parlament u li tibqa' rivali tal-Gvern tagħha.
Fl-aħħar jiem Suu Kyi ħabbret ukoll li ma kinitx se żżomm il-Ministeri li oriġinarjament kienu ssemmew imma li kienet se tikkonċentra fuq dak tal-Affarijiet Barranin.