Suspetti

Marcel Zammit Marmara u Rennie Vella f'xena minn It-Tmien Nota

Fl-episodju tal-lum mis-sensiela It-Tmien Nota li jixxandar fuq TVM fit-3pm l-istorja teħodna tlett snin qabel: Angela tmur iżżur lil Bella fl-appartament tagħha. Angela hi ħabiba tagħha mill-università u jingwalawha t-tnejn flimkien. Huma ħbieb tal-qalb. Bella tgħidilha bil-pjani tagħha li tagħti xi kunċerti flimkien ma’ Leo. Angela turi d-dubji tagħha dwar ir-raġel. Iżda Bella tassiguraha li r-raġel hu kapaċi jekk jistudja u li għandha tama fih li jirnexxi.

Angela ssaqsiha għall-pjanu għax ma kienx hemm wieħed fil-post. Bella tixtri wieħed mill-flus li kellha mġemmgħin u oħrajn li jislifha Leo. Issa setgħet tkompli tagħti l-lezzjonijiet tal-pjanu u jkollha l-flus biex tgħix.

Leo jgħidilha biex issa la qed tgħix għal rasha jista’ jkollha aktar żmien biex tkun miegħu u fl-istess ħin ikollhom ċans joħorgu flimkien. Bella tgħidlu li għall-ewwel ikun jaqbel li taħdem kemm tista’ biex ikollha l-flus, imma ħalli mbagħad wara jiddevertu. Leo ma jaqbilx ma’ dan u meta jibda jistudja l-mużika tiegħu juri li moħħu u qalbu mhux hemmhekk, bħalma kienet Bella.

Agnes tmur iżżur lil Bella u meta tara f’liema stat kienet tgħix terġa’ titlobha biex tmur lura d-dar avolja ma kellhiex ħafna x’toffrilha. Bella terġa’ ma taċċettax, anzi tgħidilha li qed taħseb bis-serjetà biex tiżżewweġ lil Leo. Din l-aħbar iddejjaq lil Agnes.

Ma tkunx l-ewwel darba li Leo jmur jiddeverti ma’ sħabu minflok imur jara lil Bella meta ma jkollhiex lezzjonijiet. Għad li tkun tixtieq li ma jagħmilx hekk tħoss li dan in-nuqqas tiegħu jagħtiha aktar ħin biex tagħti l-lezzjonijiet.

Jum minnhom, wara li jidlam u tkun spiċċat mill-istudenti, Bella jkollha żjara mingħand David. Dan ma kienx jaf li se tkun waħedha u jibqa’ sorpriż kif Leo bħal kien jabbanduna lil Bella. Jipprova jagħtiha x’tifhem kemm qed jonqosha Leo u jisgħobbih għaliha. Meta jitlaq jinżerta jkun ġej Leo li jarah ħiereġ mill-appartament ta’ Bella. Jibda jissuspetta ħażin.

Is-sensiela, li oriġinarjament ixxandret fl-2008, għandha kitba ta’ Joseph A Cachia bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv. Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.