Suspett ta’ negozjar minn wara l-kwinti fl-iżvilupp tal-Balluta – Sindku

Google

Read in English.

Is-Sindku ta’ San Ġiljan qal li qed iqum suspett li hemm negozjar minn wara l-kwinti b’rabta mal-iżvilupp propost li jsir fil-bajja tal-Balluta.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u 11-il Organizzazzjoni mhux Governattiva qed iħeġġu lill-Kummissjoni tal-Ippjanar sabiex tirrifjuta, mingħajr kundizzjonijiet, l-applikazzjoni għal moll privat fil-Bajja tal-Balluta, li se joffri servizz turistiku “hop-on hop-off” immexxi mis-sidien tal-Fortina.

Fi stqarrija l-għaqda Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA) qalet li llum ġiet organizzata konferenza tal-aħbarijiet li fiha għadd ta’ NGOs u residenti tkellmu kontra l-applikazzjoni tal-iżvilupp biex jinbena moll fil-bajja tal-Balluta f’San Ġiljan.

Astrid Vella mill-FAA kkundannat dak li sejħet bħala attentat tal-iżviluppatur biex jieħu l-bajja f’idejh.

“Mhux biżżejjed li ħonqu lil San Ġiljan u Tas-Sliema bil-bini, issa jridu jieħdu l-baħar ukoll, li huwa tal-pubbliku,” qalet Vella. Spjegat li din il-bajja hija żona popolari għall-għawm.

Skont Vella, jekk ikun hemm bejn 200 u 300 turist f’kull vjaġġ tal-vapur propost li jaħdem minn din il-bajja dan se jwassal għal aktar traffiku minħabba l-coaches u t-taxis li se jkun hemm. Vella staqsiet jekk ix-xatt ta’ San Ġiljan hux se jispiċċa bħas-Sliema Ferries.

Il-President tal-Moviment Graffitti Andrè Callus qajjem tħassib dwar għalfejn l-applikazzjoni għall-ewwel ġiet rakkomandata għall-approvazzjoni mill-case officer imma mbagħad wara ġiet irrakkomandata għal rifjut mill-PA. Żied jgħid li din id-deċiżjoni ttardjat b’mod misterjuż.

Callus qajjem ukoll tħassib dwar meta l-iżviluppatur qal li se jkun qed juża dgħajjes li ma jniġġsux. Saħaq li m’hemm xejn li jwaqqaf lill-operatur milli juża d-dgħajjes antiki tiegħu.

Is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg (PN) staqsa għalfejn l-applikazzjoni mhux qed tiġi rifjutata peress li tmur kontra l-planning policy. Staqsa wkoll għalfejn kien hemm id-dewmien fid-deċiżjoni tal-PA. Qal li dan iqajjem tħassib li qed isir xi negozjar minn wara l-kwinti mill-iżviluppaturi sinjuri.

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar kellha tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-proġett ta’ moll fil-Bajja tal-Balluta fil-11 ta’ Frar.

Il-klabb tal-waterpolo San Ġiljan ASC qed jakkuża lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u 11-il Organizzazzjoni mhux Governattiva li qed jigdbu dwar proġett ta’ moll fil-bajja tal-Balluta.

Fi stqarrija, il-klabb kien qal li jikkundanna l-kampanja ta’ misinformazzjoni li allegatament qed issir dwar applikazzjoni dwar moll ħdejn pitch tal-waterpolo. Il-klabb qal li dan il-proġett huwa mod kif idaħħal il-flus.