“Suspett qawwi” ta’ każ ta’ coronavirus fis-Sixth Form t’Għawdex

Fis-Sixth Form t’Għawdex, Sir M. A. Refalo, hemm “suspett qawwi” ta’ każ ta’ coronavirus u l-istudenti llum intalbu jsegwu l-lezzjonijiet online bħala miżura ta’ prekawzjoni.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi qrib tal-kulleġġ.

Studenta li tattendi l-kulleġġ kellha kuntatt mill-qrib ma’ persuna li għandha l-coronavirus, u se tagħmel it-test hi stess illum wara li żviluppat xi sintomi tal-virus. Bħala miżura ta’ prekawzjoni, l-amministrazzjoni tal-kulleġġ għażlet li l-lezzjonijiet jiġu segwiti online billi l-istudenta attendiet l-iskola fl-aħħar jiem.

L-iskola fetħet il-bibien tagħha mill-ġdid il-ġimgħa li għaddiet, flimkien mal-kumplament tal-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja. Fil-kulleġġ, il-lezzjonijiet qegħdin isiru kemm fil-klassi, kif ukoll online. Anke jekk l-għalliema, minħabba kundizzjonijiet ta’ saħħa, ikollhom jagħmlu l-lezzjonijiet tagħhom mid-dar, l-istudenti jridu jmorru fil-klassi xorta waħda u jsegwu l-lezzjoni b’mod virtwali minn hemm.

Propju fl-ewwel jum li fetħet, qam tħassib dwar dan il-kulleġġ wara li massa ta’ żgħażagħ inġabru quddiem l-iskola fir-Rabat, ġo xulxin u wħud minnhom mingħajr maskra.