Suspett li kien se jaħsel €136 biljun għall-mafja; isemmi lil Daphne f’telefonata

Roberto Recordare

Read in English.

Negozjant minn Palmi fil-Calabria qed jiġi investigat fuq suspett li ippjana biex jaħsel €136 biljun għat-tliet gruppi mafjużi prinċipali. F’telefonata, hu semma wkoll lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Dawn il-gruppi huma Ndrangheta f’Calabria, Cosa Nostra fi Sqallija u Camorra f’Campania.

ANSA, ġurnal Taljan, irrapporta li Roberto Recordare huwa suspettat bħala l-moħħ wara operazzjoni ta’ ħasil tal-flus għal dawn il-gruppi. Skont ANSA, li raw il-karti tal-prosekuturi, Recordare diġà ħasel daqs €500 biljun.

Skont it-telefonati li nqabad fihom jhedded il-ħajja ta’ prosekutur jisimha Giulia Pantano, hu rrefera għall-użu ta’ bomba. Fit-telefonati, hu wkoll inqabad jitkellem dwar l-interessi tiegħu f’Malta.

ANSA rrapporta li Recordare irrefera wkoll għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fejn qal li “għadhom qed jiġbru l-biċċiet tagħha f’Malta”.

Caruana Galizia kienet assassinata b’karozza bomba fil-Bidnija fis-16 t’Ottubru 2017.

Kumpaniji f’Malta

Recordare għandu 2 kumpaniji reġistrati f’Malta – Golem Malta Limited u Recordare Holding Limited, bit-tnejn reġistrati f’Ħaż-Żebbuġ.

Fl-2017, hu ddikjara €24,620 f’profit għal Golem Malta. Dan minkejja l-fatt li ddikjara €267,954 profit fis-sena ta qabel.

Bl-istess mod, fl-2017 ddikjara €45,616 fi profit għal Recordare Holding Limited, filwaqt li s-sena ta’ qabel kien iddikjara €405,295.