Surplus ta’ €4.5 miljun fit-tieni kwart ta’ din is-sena

Minn April sa Ġunju li għaddew, il-Gvern irreġistra surplus ta’ €4.5 miljun.
Dan skont rapport maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li sab li d-dħul f’dawn it-tliet xhur kien ta’ €1,056.4 miljun, li hija żieda b’€140.2 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.   
Din iż-żieda ġiet iġġenerata fost l-oħrajn permezz ta’ żieda ta’ €94.2 miljun fil-produttività tas-suq u żieda ta’ €22 miljun fuq it-taxxi attwali fuq id-dħul u l-ġid.
Fl-istess perjodu, l-NSO jispjega li t-transazzjonijiet f’valuti u depożiti rreġistraw żieda ta’ €183.6 miljun fuq it-tliet xhur ta’ qabel. Bl-istess mod, kontijiet oħrajn riċevibbli żdiedu b’€70.7 miljun.
L-NSO ħabbar ukoll li sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda, id-dejn ġenerali tal-Gvern kien jammonta għal €5,868.9 miljun, hekk kif żdied b’iktar minn €44 miljun mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Minbarra dan, l-NSO ħabbar li id-dejn iggarantit mill-Gvern ukoll żdied mis-sena l-oħra ‘l hawn, hekk kif sal-aħħar ta’ Ġunju kien jammonta għal iktar €1,429 miljun.