Surplus ta’ €182.7m għall-Gvern fl-2017

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li fl-2017 il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra surplus ta’ €182.7 miljun, li aktar tard ġie identifikat mill-Gvern fi stqarrija separata bħala l-akbar surplus fl-istorja fil-Fond Konsolidat ta’ Malta.
Tul is-sena msemmija, kien hemm żieda ta’ €484.2 miljun fid-dħul tal-Gvern, u żieda ta’ €310.4 miljun fin-nefqa. Dan ifisser bilanċ pożittiv fil-Fond Konsolidat ta’ €173.8 miljun.
Id-dħul tal-Gvern fl-2017 kien ta’ €4,291 miljun mit-€3,807 miljun tal-2016. Diż-żieda ta’ 12.7% kienet ġejja primarjament minn dħul ogħla mit-Taxxa fuq id-Dħul u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
In-nefqa għall-2017 kienet ta’ €4,108 miljun mit-€3,798 miljun tas-sena ta’ qabel.
Dwar in-nefqa kapitali tal-Gvern, din rat żieda ta’ €39.9 miljun fl-2017, u b’kollox laħqet €350 miljun. Raġunijiet ewlenin kienu nfiq ogħla fuq inċentivi għall-investiment, ir-restawr tal-Funtana tat-Tritoni u l-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.
L-ispejjeż tal-Gvern dwar id-dejn pubbliku kienu ta’ €215 miljun, minn €223.5 miljun mis-sena ta’ qabel.
“L-akbar surplus fil-Fond Konsolidat fl-istorja ta’ pajjiżna” – il-Gvern
Sadanittant, il-Gvern irreaġixxa għal dawn iċ-ċifri, meta semma kif fl-2012 kien ġie rreġistrat defiċit ta’ €362 miljun, u issa ġie rreġistrat l-ogħla surplus fl-istorja.
Temm jgħid li dan ġara minħabba li l-Gvern kien galbu fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi.