Surplus fil-Fond Konsolidat tal-Gvern; Jonqos id-dejn

Il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra surplus ta’ €4.3 miljun bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena.
Meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, id-dħul tal-Gvern żdied bi €374.9 miljun filwaqt li n-nefqa tal-Gvern żdiedet b’€265.8 miljun.
Iż-żieda fid-dħul tal-Gvern kienet dovuta għal żieda ta’ €101 miljun mill-income tax, ta’ €101 miljun mill-VAT u ta’ €57 miljun mill-bolla. Kien hemm ukoll dħul ogħla ta’ €22 miljun minn fondi Ewropej.
Fl-istess perjodu, in-nefqa rikurrenti kienet ta’ €3,282.1 miljun.
Il-Gvern fi stqarrija laqa’ dan l-iżvilupp pożittiv għall-ewwel għaxar xhur tas-sena.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-ekonomija Maltija marret aħjar mill-prospetti li kienu tħejjew fil-bidu tas-sena. Qal ukoll li ż-żieda sinifikanti fil-fond konsolidat kien ir-riżultat ta’ żieda ta’ 12.9% fid-dħul tal-Gvern li kienet ikbar mit-8% żieda fin-nefqa.
Il-Ministru Scilcuna qal ukoll li dan it-titjib fl-ekonomija kellu impatt pożittiv fuq l-iżviluppi tad-dejn għax dan naqas bi €73.9 miljun f’Ottubru ta’ din is-sena meta kkumparat mal-istess xahar tas-sena l-oħra.
Fi stqarrija oħra, il-Gvern sostna li “l-qagħda tajba fil-finanzi pubbliċi se tippermetti lill-Gvern biex ikompli jwettaq miżuri pożittivi li jtejbu l-livell ta’ għajxien tal-familji u jinvesti aktar”.