“Surplus bil-faqar m’huwiex surplus” – PD

Il-Membri Parlamentari tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia saħqu li s-surplus bil-faqar m’huwiex surplus xejn. Qalu li t-tneħħija tal-faqar mhijiex att ta’ karità izda impenn favur ġustizzja soċjali u inklużjoni. Ikkritikaw lill-Gvern għax fi kliemhom biex huwa “pro-business” qed jinsa r-ruħ soċjali tiegħu.

Irreferew għall-statistika tal-NSO li turi li hawn 72,000 persuna jgħixu b’inqas minn €724 fix-xahar u dawn jaqgħu fil-faxxa tar-riskju tal-faqar.

Marlene u Godfrey Farrugia sostnew li minkejja li ċ-ċifri juru li d-dħul medju żdied, dan huwa għax hemm ftit nies li qed jaqilgħu ħafna.

Temmew jgħidu li t-tfal huma l-aktar li jsofru meta jkun hemm dħul baxx għax il-ġenituri tagħhom jippruvaw ilaħħqu mal-ħajja u ma jirnexxilhomx.