Surmast arrestat talli għamel eżami f’isem student

Surmast ta’ skola ġie arrestat wara li għamilha ta’ student u mar jagħmel eżami f’isem student ieħor.

Il-Pulizija daħlu fis-sala tal-eżamijiet f’nofs l-eżami fejn Benjamin Manirambona, surmast ta’ skola f’Burundi, kien qed jagħmel eżami f’isem student u arrestawh. Il-Pulizija saret taf dwar dan il-każ wara li rċeviet informazzjoni anonima.

Skont il-midja internazzjonali Pulizija pajżana kienu qed jissorveljaw l-Iskola fejn kien se jsir l-eżami mil-lejla ta’ qabel bil-għan li jaqbduh żgur. Hekk kif inqabad f’nofs l-eżami u mingħajr ma kellu mkien minn fejn jaħrab, is-Surmast ta’ Butere Technical College ammetta għall-att qarrieqi tiegħu mal-Pulizija fuq il-post.

Is-Surmast spjega li kien qed jagħmel l-eżami f’isem suldat li bħalissa qed iservi fis-Somalja bħala parti mill-forzi li qed jaħdmu biex tinżamm il-paċi fil-pajjiż, filwaqt li sostna li l-istudent kellu bżonn dan l-eżami ikun jista’ jidħol jistudja fl-Università.

Is-Surmast Benjamin Manirambona kien ikkonfrontat mill-Ministru għall-Edukazzjoni fis-sala tal-eżami.

Hu żied jgħid li s-suldat wegħdu li se jħallsu somma flus hekk kif jirritorna Burundi talli jkun għamel l-eżami f’ismu.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni ta’ Burundi waslet fuq il-post ftit wara li s-Surmast ġie arrestat, filwaqt li qaltlu li se jkun qed jiġi arrestat talli dak kollu li kien qed jgħid kien gidba. Żiedet tgħid li l-każ se jkun investigat b’reqqa kbira hekk kif din mhix l-ewwel darba li dan is-Surmast għamel l-eżami f’isem studenti oħra.

Is-Surmast Benjamin Manirambona kien immanettjat u arrestat mill-Pulizija.

Erba’ studenti oħra flimkien mas-Surmast ġew arrestati fuq suspett li kienu qed iqarrqu waqt l-eżami, filwaqt li student ieħor kien arrestat talli poġġa lis-Surmast f’kuntatt mal-istudent li ħadlu postu.

F’Burundi l-istudenti jagħmlu eżamijiet pubbliċi importanti fi skejjel oħra. Kien għalhekk li s-Surmast ma ntarafx minn persuni oħra li kienu fis-sala tal-eżami.