Surġent tal-pulizija allegatament jigref lil martu u jgħajjarha “demel”

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech widdbet lill-Prosekuzzjoni talli f’każ ta’ vjolenza domestika, ir-rapport sar sitt xhur wara li l-mara kienet ġiet imsawta, u b’hekk qattgħet sitt xhur toqgħod ma’ żewġha, surġent tal-pulizija, wara li dan refa’ idu fuqha.

Il-Maġistrat qalet fil-qorti li qed titlef il-paċenzja tagħha mal-Prosekuzzjoni, peress li issa m’hemmx iżjed skop għal ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Hubert Cini qalet li l-każ kien dam daqshekk biex jasal quddiem il-Qorti minħabba burokrazija.

Il-vittma ta’ relazzjoni allegatament abbużiva xehdet illum u qalet li dawn l-aħħar sitt xhur kienu infern għaliha għaliex żewġha kien jinsulentaha u jabbużaha mentalment.

Hija għamlet rapport fi Frar li għadda wara li kellha xi tgħid ma’ żewġha u spiċċat bi grif żgħir f’wiċċha u ma’ għonqha.

L-akkuża wieġeb mhux ħati għall-akkużi. Waqt li kienet qed tixhed il-mara, huwa beda jonfoħ u jxengel rasu fl-awla.

X’ġara skont il-mara?

Il-mara, omm ta’ żewġt itfal, irrakkuntat kif qajmet lil żewġha minn nagħsa biex jiekol. Kienet għadha kemm tat kastig lil binha talli kellu xi jgħid m’oħtu u beżaq lil ommu, billi qaltlu joqgħod fir-rokna. Meta qam żewġha beda jgħajjat “rokna” lil ibnu biex jaqbad miegħu. Qalet li hi qaltlu jħallih bi kwietu għax beda jibki, imma żewġha qalilha, “tindaħalx pulċinella,” u anke sejħilha “demel.”

Spjegat li hi ħadet għaliha u injorat lil żewġha meta pprova jittantaha wara. Kien f’dak il-mument li hu allegatament ħatafha mill-kullar tal-ġakketta u girfilha wiċċha u għonqha. Meta l-Qorti għafset lill-mara fuq li kienet għadha kemm qalet, hija stqarret li jaf ingirfet bi żball.

Il-vittma qalet li r-rapport għamlitu jumejn wara għax żewġha kien heddidha biex ma tagħmilx rapport. Fil-qorti wriet ritratti tal-grif li kellha fuq il-mowbajl. Spjegat li ritratt minnhom kien ittieħed l-għada meta l-ġerħa dehret iżjed ħamra.

Qalet li ddeċidiet li tasal sal-qorti minħabba l-ħsara mentali li kienu qed isofru hi u wliedha.

Il-Maġistrat ma qablitx mal-mara, minħabba li l-ħsara mentali li saritilha ma kinitx l-akkuża fil-konfront tar-raġel.

Il-vittma bdiet tibki, filwaqt li l-Qorti ma ħarġitx ordni tal-protezzjoni u wissiet lill-mara u lir-raġel biex ma jitkellmux minkejja li joqogħdu fl-istess dar. Il-Maġistrat qalet lir-raġel li għandu jikkontrolla r-rabja tiegħu aħjar.