Surfer Franċiża tmut wara ftit xhur li marret tgħix l-Awstralja

Iċ-champion tas-surfing Franċiża mietet l-Awstralja fl-età ta’ 24 sena. It-tfajla Poeti Norac marret tgħix ġewwa Queensland ftit tax-xhur ilu.

Il-Federazzjoni Franċiża tas-Surfing qalet li l-kommunità tas-surfing tilfet membru tal-familja. Telfa ta’ persuna bi tbissima radjanti, artista fuq il-board u li l-entużjażmu tagħha kien iħalli effett pożittiv fuq in-nies ta’ madwarha.

Poeti li kienet mir-reġjun ta’ Vendée bdiet l-isport tas-surfing ma’ missierha Bruno meta kellha biss sitt snin. Hi bdiet titgħallem dwar dan l-isport ġewwa Les Sables d’Olonne, raħal li għandu kosta u li hu viċin ta’ raħal twelidha.

Hija speċjalizzat fil-longboard surfing u kienet ilha tikkompeti għal dawn l-aħħar 10 snin. Hija għamlitha mall-finalisti erba’ darbiet fil-kampjonat nazzjonali Franċiż u rnexxielha tiġi fit-tieni post fl-2018 u fit-tielet fl-2016.

Hija mietet nhar is-Sibt li għadda iżda għadu ma sarx magħruf x’wassal għall-mewt tagħha.