Aġġornata: ‘Sur Prim Ministru, għalfejn trid tneħħi l-protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf?”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled il-ġlieda favur il-ħajja u staqsa lill-Prim Ministru Joseph Muscat, għalfejn irid ineħħi l-protezzjoni għat-tarbija fil-ġuf.
Qal li l-ġlieda se tibqa’ biex jipproteġu lil dawk li m’għandhom l-ebda vuċi, it-trabi fil-ġuf. Saħaq li għalkemm ikunu għadhom ma tweldux, dawn huma xorta persuni.
Akkuża lill-Partit Laburista li għalxejn ikun favur id-drittijiet ċivili, id-divorzju u żwiġijiet tal-istess sess jekk ma jkunx favur id-dritt tal-ħajja.
Spjega li t-tarbija fil-ġuf hija “persuna vulnerabbli imma hija persuna wkoll”
Saħaq li jingħad x’jingħad, il-PN se jkun qiegħed hemm biex jitkellem.
Il-vokazzjoni tal-PN minn dejjem kienet tan-nies
Fid-diskors tiegħu, Adrian Delia qal li l-aktar nies li jbatu huma dawk li huma siekta.
Saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkun it-tarka ta’ dawn il-persuni li huma vulnerabbli.
Faqar
Dwar il-faqar, il-Kap tal-PN qal li f’Malta hawn “ħafna nies li m’għandhomx id-dinjità ta’ ħajja xierqa”. Sostna li għandna soċjetà li mhix kapaċi tieħu ħsieb lill-anzjani hija soċjetà fqira.
Semma li 25,000 anzjan, fosthom pensjonanti li huwa fix-xifer tal-faqar.
Reġa’ qal li l-faqar f’Malta żdied bi 8,000 u spjega li dawn huma aktarx anzjani.
Pensjonijiet
Dwar il-liġi tal-pensjonijiet għall-Membri Parlamentari li reġgħet ġiet irtirata t-Tnejn wara talba mill-Oppożizzjoni, Adrian Delia qal li kien jaf li hemm min se jgħid li l-Partit Nazzjonalista għamel U-Turn iżda spjega li kien lest jagħmilha biex l-Oppożizzjoni tidderiġi lill-Gvern jagħmel is-sewwa.
Sostna li “t-tmun mhux f’idejn il-PN iżda bis-saħħa tan-nies u li nkunu magħqudin, kapaċi nagħtu direzzjoni lill-vapur li huwa Malta.”
Qal li kuntent li ċemplulu l-anzjani mid-djar tal-anzjani u jirringrazzjawh li tkellem għalihom.
Ċittadinanza
Dwar il-karti tal-identità, ċittadinanza u l-voti, Adrian Delia reġa’ qal li l-Gvern ilu 18-il xahar jikser il-liġi billi ma jagħtix informazzjoni lill-Partit Nazzjonalista li hu bi dritt tiegħu li jirċievi.
Qal li l-Partit Nazzjonalista, fil-ġranet li ġejjin se jiftaħ kawża oħra kontra l-awtoritajiet biex josservaw il-liġi.
Jekk il-Gvern ma jismax lin-nies, il-PN se jitkellem għalihom.
Fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar, Adrian Delia qal li “jekk il-Gvern ma jismax lin-nies, il-PN se jitkellem għalihom”.
Qal dan billi semma lista ta’ kawżi li skontu, il-Gvern sema’ lill-Oppożizzjoni fosthom dwar il-Park ta’ Burmarrad, il-kawża dwar l-ambjent f’Bulebel u dwar il-pensjonijiet tal-Membri Parlamentari.
F’San Pawl il-Baħar
Waqt l-attività fil-każin ta’ San Pawl il-Baħar, Delia spjega għalfejn il-Partit Nazzjonalista għażel li jerġa’ jmur f’din il-lokalità għax skontu, il-PN irid ikun “l-eqreb lejn in-nies li qed ibatu”
Huwa rringrazzja lis-Sindku l-ġdida Anne Fenech u l-kunsilliera kollha tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Irringrazzja wkoll lill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola li tkellmet ftit qabel.
Ħabbar li l-Ħadd li ġej il-Partit Nazzjonalista se jorganizza maratona ġbir ta’ fondi.
"Delia jrid jivvinta issue li ma teżistix" – PL
Sadanittant, il-Partit Laburista rreaġixxa għad-diskors ta' Delia u dak li qal dwar l-abort, u fi stqarrija qasira qal hekk, "Id-diskors ta’ Adrian Delia dwar l-abort huwa diskors ta’ min jidher iddisprat biex jivvinta issue li ma teżistix. Delia jista’ jserraħ moħħu li mhux se jingħata dan iċ-ċans."