SUPER NUNS: is-sorijiet li jiġġieldu kontra t-traffikar uman

Papa Franġisku jinawgura s-sit elettroniku tas-SUPER NUNS

Biex ifakkar il-Jum Internazzjonali ta’ Talb u Għarfien kontra t-Traffikar Uman, ċelebrata fit-8 ta’ Frar, il-Papa Franġisku lbieraħ iltaqa’ ma’ membri tat-Talitha Kum u l-Fondazzjoni Galileo u kienet varata l-inizjattiva SUPER NUNS maħsuba li tiġbor fondi għas-sorijiet li jaħdmu biex isalvaw vittmi tat-traffikar uman u joffrulhom futur.

Il-Papa Franġisku kemm-il darba tkellem dwar il-pjaga tat-traffikar uman u appella biex tittieħed azzjoni konkreta biex jinstabu l-kawżi għal dan it-traffikar u jkunu protetti l-miljuni ta’ vittmi minn din il-forma moderna ta’ skavitù.

Fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum, il-Papa ltaqa’ mal-promoturi ta’ din l-inizjattiva li huma t-Talitha Kum (inizjattiva tal-Għaqda Internazzjonali tas-Superjuri Ġenerali tas-Sorijiet), ma’ membri tal-Fondazzjoni Galileo, ma’ uffiċjali tal-kumpanija Amerikana Edelman u ma’ Stephen Powers, artist tat-triq.

Sr Gabriella Bottani, il-koordinattriċi internazzjonali tat-Talitha Kum spjegat lill-Papa Franġisku fiex tikkonsisti s-SUPER NUNS filwaqt li l-artist wera lill-Papa l-ewwel pittura li se tintuża fil-pjattaforma diġitali ta’ SUPER NUNS u talbu jawtografaha. Il-qofol tal-udjenza privata kien meta l-Papa nnifsu għafas buttuna fuq laptop biex l-inizjattiva marret “online”.

Talitha Kum

Talitha Kum hi tweġiba għas-sejħa li kien għamel il-Papa biex tkun miġġielda l-pjaga tat-traffikar tal-persuni. Għal 10 snin din l-organiżazzjoni internazzjonali ta’ sorijiet kattoliċi ilha taħdem biex tipprevjeni, issalva u tirriabilita lil dawk li jirnexxielhom isalvaw minn dan iċ-ċirku inuman.

Ix-xogħol li jwettqu dawn is-sorijiet hu riskjuż u joffri sfida kbira.  Is-sorijiet joħorġu fit-toroq, joħolqu kuxjenza, jagħmlu kuntatt mal-vittmi f’ambjenti perikolużi, joffrulhom kenn mit-traffikanti, jevitawlhom li jkunu esplojtati u jipprovdulhom dar u jagħtuhom ħiliet ġodda li permezz tagħhom ikunu jistgħu jibnu futur ġdid. Għalhekk il-ħtieġa tal-fondi.

Super Nuns

SUPER NUNS, spjegat is-soru nibtet mill-viżjoni ta’ John McCaffrey li jaħdem mal-Fondazzjoni Galileo. Dan kellu relazzjonijiet mal-kumpannija Edelman, kumpanija kbira tal-komunikazzjoni fl-Istati Uniti li kull sena tpoġġi xi ftit mir-riżorsi tagħha għal xi proġett soċjali u ssuġerixxa lill-kumpannija biex tgħin lit-Talitha Kum billi tissponosrja x-xogħol tas-sorijiet kontra t-traffiku tal-persuni.

Saret laqgħa ma’ din il-kumpannija fi New York u kien deċiż li tgħin biex din il-problema tat-traffikar uman issir aktar magħrufa mad-dinja, permezz ta’ xogħlijiet artistiċi li joħolqu immaġni tas-sorijiet fil-ħidma tagħhom u dawn jitpoġġew fuq is-sit elettroniku li vara l-Papa Franġisku l-ġimgħa li għaddiet.

Qed jissejħu SUPER NUNS għax ix-xogħol li jagħmlu hu wieħed straordinarju: xogħol moħbi, kultant perikoluż meta jieħdu għandhom il-vittmi, nisa, rġiel u tfal u joffrulhom kenn u wara jagħmlulhom process ta’ riabilitazzjoni u integrazzjoni lura fis-soċjetà.

Media soċjali u arti tat-triq

Sr Patricia qalet li dan kollu se jitpoġġa fuq platforms ta’ media soċjali biex ikun jista’ jarah kulħadd. L-użu tal-media moderna hu mod ġdid kif nilħqu aktar nies li forsi anqas qatt ma ltaqgħu ma’ soru u ma jafux x’nagħmlu ħlief li forsi jassoċjawna mal-iskejjel u l-isptarijiet.

 “Hemm eluf ta’ sorijiet jaħdmu fil-qasam tat-trffikar uman u involuti f’kampanji kontra din il-pjaga filwaqt li jagħmlu xogħol ta’ riabilitazzjoni tal-vittmi li jsalvaw.  L-arti hi mod kreattiv kif wieħed joħloq għarfien dwar din il-ħidma.

Għall-artisti din hi avventura eċitanti ġdida.  Huma semgħu wħud mill-istejjer tal-vittmi u saru jafu bix-xogħol li jagħmlu s-sorijiet biex ikunu jistgħu jagħtu ħajja lit-tpinġija tagħhom.

Is-SUPER NUN tixbah il-messaġġ ta’ Superman u Superwoman. Super għax fix-xogħol tagħhom jissugraw ħafna.  Super għax imorru f’postijiet li ma laħquhomx qabel. Super għax qed titlob l-appoġġ tal-oħrajn.

Din il-ħidma għandha bżonn ħafna fondi. Jekk wieħed iħares lejn l-Afrika u l-Asja jkun hemm bżonn bejn 2,000 u 10,000 dollaru biex tkun salvata persuna minn dan it-traffikar, tinġieb għall-kenn mis-sorijiet għal żmien konsiderevoli, sakemm jirkupraw mit-trawma li sofrew, tedukahom u tagħtihom ħiliet ġodda biex ikunu jistgħu jintegraw fis-soċjetà u f’xi każi nagħtuhom ukoll xi ftit flus biex jibdew jaħdmu għal rashom.