Summit UE: “Pass ‘il quddiem, imma fadal xi jsir” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega li minkejja li sar pass ‘il quddiem fejn tidħol soluzzjoni għall-immigrazzjoni, iżda xorta waħda għad fadal xi jsir.

Fi stqarrija mill-uffiċju tal-Prim Ministru ġie spjegat kif wara sigħat twal ta’ diskussjonijiet il-mexxejja Ewropej irnexxielhom jaqblu fuq konklużjonijiet sinjifikanti li jirrappreżentaw pass ieħor importanti fl-isfida tal-immigrazzjoni.

It-28 Stat Membru fil-Kunsill Ewropew iddikjaraw li l-bastimenti kollha għandhom jirrispettaw il-liġijiet applikabbli u l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

Fl-istqarrija ġie sostnut li dan ma kienx il-każ fis-sitwazzjoni tal-Lifeline.

Issemmiet ukoll it-tieni konklużjoni li ħarġet mis-summit li huwa ftehim bejn l-istati membri kollha, li bastimenti li qed joperaw fil-Mediterran iridu jħallu lill-gwardjani tal-kosta Libjana jaħdmu mingħajr ma jwaqqfulhom xogħlhom. Irrimarka li anke hawnhekk, il-Lifeline kisret din ir-regola.

Dr Muscat iddeskriva dawn il-konklużjonijiet bħala xhieda li kull pajjiż Ewropew jaqbel mal-pożizzjoni li ħadet Malta. Spjega li l-atteġġjament fil-Kunsill Ewropew kien affetwat ħafna bil-mod dipplomatiku ta’ kif Malta ħadmet matul din il-ġimgħa.

Fl-istqarrija ġie spjegat ukoll li l-mexxejja Ewropej qablu li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tgħamel minn kollox sabiex taħdem favur l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-Afrika.

Dr Muscat spiċċa billi qal li hemm bżonn aktar ħidma fix-xhur li ġejjin sabiex il-pjan ikompli jiġi żviluppat b’mod aħjar.