Summit fir-Renju Unit dwar il-vaċċin tal-coronavirus

A nurse fills a syringe with a vaccine before administering an injection at a children's clinic in Kiev, Ukraine August 14, 2019. Picture taken August 14, 2019. REUTERS/Valentyn Ogirenko

Numru ta’ pajjiżi llum qed jingħaqdu flimkien f’summit dinji fir-Renju Unit bil-għan li joħloq alleanza ta’ għajnuna finanzjarja, studju u riċkerka biex tinstab kura jew vaċċin għall-coronavirus.

Fi stqarrija mill-Kummissjoni Għolja Ingliża f’Malta kien spjegat li r-Renju Unit qed jimmira li l-Global Vaccine Summit iwassal biex jinġabru mill-inqas $7.4 biljun favur GAVI. Din hija organizzazzjoni internazzjonali li ilha sa mill-2000 taħdem biex ittejjeb l-aċċess ta’ vaċċini lit-tfal f’pajjiżi foqra.

Kien spjegat li r-riżorsi addizzjonali mis-summit se jintużaw biex ikunu protetti l-ġenerazzjonijiet futuri permezz ta’ vaċċin, titnaqqas l-inugwaljanza li teżisti fil-ġlieda kontra l-mard u li dan iwassal dinja iktar sigurà u b’saħħitha. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Gavi, Seth Barkley ddikjara li l-benefiċċju ta’ kull dollaru investit f’vaċċin ilaħħaq il-$50. Dan għandu jwassal biex ikun evitat li l-ifqar pajjiżi jintlaqtu mill-coronavirus. B’hekk ikunu salvati miljuni ta’ ħajjiet kif ukoll jitnaqqas ir-riskju li l-virus jerġa’ jaħkem lil dawn il-pajjizi fil-futur.

Din l-inizjattiva hi waħda minn sensiela li ħa l-gvern Ingliż fil-ħidma biex jinstab vaċċin għall-coronavirus. Il-Gvern Ingliż diġà kkommetta ruħu bħala sostenitur fi sforz globali fil-ġlieda kontra l-pandemija, fost l-oħrajn billi alloka £250 miljun għal riċerka internazzjonali.

Kienu allokati wkoll £313 miljun għall-iżvilupp ta’ vaċċin, trattament u ttestjar kif ukoll £1.65 biljun li se jingħataw lill-Alleanza tal-Gavi bħala appoġġ għal programm ta’ tilqim madwar id-dinja, b’mod speċjali fost dawk li finanzjarjament ma jistgħux ilaħħqu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn