Summit dwar il-viżjoni ekonomika għas-settur tal-iGaming f’Malta

Il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona flimkien mas-Segretarju Parlamentari għat-Tkabbir Ekonomiku José Herrera pparteċipaw fl-ewwel edizzjoni tas-‘Summit of iGaming Malta’ li huwa mistenni jattira mal-elfejn stakeholder.
Cardona tkellem dwar is-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna, liema suċċess kien ikkonfermat mill-Moody’s.
Cardona semma kif Malta qed jirnexxilha tattira investimenti ta’ kwalità, kif kien ikkonfermat mill-IBM Global Location Trends Report li ħareġ fl-aħħar sigħat u li klassifika lil Malta fit-tieni post fost il-pajjiżi madwar id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità ta’ investiment dirett barrani li rnexxielu jattira l-pajjiż matul is-sena li għaddiet.
Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern huwa ottimist li dan ir-ritmu se jinżamm tant li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-Malta Enterprise kienet diġà approvat 17-il proġett ġdid b’investiment dirett barrani.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li l-industrija tal-igaming fil-pajjiż hija t-tieni l-akbar industrija wara t-turiżmu.
Herrera qal li mill-aspett leġislattiv il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jipprotegi l-integrità tal-ġurisdizzjoni tagħha.
Herrera qal li fil-futur qarib il-Gvern se jvara Gaming Malta li ser tieħu ħsieb l-aspett promozzjonali.
Sadanittant huwa qal li l-Gvern qed jipprepara biex dalwaqt iwaqqaf akkademja tal-gaming ħalli b'hekk tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u dawk barranin f'din l-industrija.