Summer Camp organizzat minn Imqabba FC Youth Nursery

Nhar is-Sibt 12 ta' Awwissu 2017 ġie fi tmiemu s-Summer Camp 2017 organizzat minn Mqabba FC Youth Nursery. Kienu 12-il sezzjoni konsekuttivi ta' taħriġ b’differenza għat-tfal subien u bniet bejn l-erba’ u t-12-il sena mifruxa fuq seba' ġimgħat. Din is-sena reġa’ kellna għadd sabiħ ta’ tfal li għoġobhom iqattgħu parti mill-ħin tal-vaganzi tagħhom magħna.
Konxji mill-fatt li l-involviment fi sports differenti sa minn età żgħira jista’ jħalli impatt pożittiv fuq l-iżvilupp fiżiku u atletiku tal-persuna, din is-sena tfassal programm similili għal dak tas-sena ta' qabel. Fil-fatt minbarra s-soltu taħriġ tal-futbol ġie organizzat taħriġ f’dixxiplini differenti li għal ħafna mit-tfal kienet l-ewwel esperjenza tagħhom. It-taħriġ tal-futbol kien wieħed intensiv fejn kellna anke taħriġ speċjalizzat.
It-tfal kollha ngħataw attenzjoni individwali għaliex kull wieħed u waħda minnhom joffrulna sfida.
Waħda mis-sessjonijiet b’differenza kien taħriġ tal-judo. Din is-sessjoni saret bil-kollaborazzjoni ta' Tignè Judo Club fil-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop. Ma nistax ma nirringrazzjax lil Sensei Joseph Muscat għall-għajnuna kbira tiegħu. Kellna wkoll sessjoni ta’ Break Dance Hip Hop organizzat fis-sala ta’ Mqabba FC.  Grazzi kbira tmur lil Street Elements, b’mod partikulari lil Liston Bongailas u lil Charlene Grange tal-impenn professjonali tagħhom waqt is-sessjoni.  Kellna wkoll taħriġ fir-rugby li kulma jmur qed jikber fil-popolarità f’pajjiżna. Attivitajiet oħrajn b’differenza kienu l-fun games kif ukoll il-human table soccer ġewwa l-5-a-side pitch ta’ Mqabba FC.  Ma setax jonqos ukoll li għal darb’oħra mmorru nipprattikaw il-beach soccer fuq ir-ramel ta’ Pretty Bay f’Birżebbuġa. Is-Summer Camp ta’ din is-sena ġie fi tmiemu b’diversi water games li kull sena jkunu mistennija mit-tfal. Dan il-programm vast niżel tajjeb mat-tfal u l-ġenituri tagħhom tant li kellna ħafna kummenti pożittivi.
Dan kollu jimla lil Mqabba FC Youth Nursery bl-enerġija li tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha għall-ġid tat-tfal u tgħinhom isiru individwi aħjar. Mqabba FC Youth Nursery temmen fit-tfal kollha li jattendu magħha u ma tħalli lil ħadd barra. Għan-Nursery tagħna, it-tfal mhumiex sempliċiment numru u fil-fatt tikkonċentra l-isforzi tagħna fuq kull wieħed u waħda minnhom. L-akbar sodisfazzjon tagħna jkun meta naraw li l-ambjent sportiv u ta’ familja offrut minn Mqabba FC Youth Nursery qed iħalli impatt pożittiv fuq il-persuni li jiffrekwentawha, jiġifieri t-tfal, ġenituri, kowċis u amministraturi.
Fl-aħħar nett nixtieq nirringrazzja lill-kowċ Elvin Sciberras għall-koordinazzjoni kif ukoll lill-kowċ Kurt Polidano li kien inkarigat mit-taħriġ fil-kategorija taż-żgħar. Ringarazzjament ukoll lill-kowċ Patrick Tanti u l-Headcoach il-ġdid Michael Degiorgio kif ukoll ringrazzjament speċjali lil Benoit Azzopardi, Ian Farrugia, Clayton Sciberras u Leon Delia għall-għajnuna tagħhom waqt it-taħriġ.
Għal aktar tagħrif, ritratti u filmati wieħed jista’ jidħol fil-paġna uffiċjali ta’ Mqabba FC Youth Nursery fuq Facebook.
BBQ Night minn Mqabba FC Youth Nursery
Bhal kull sena, bħala bidu għall-istaġun 2017/2018, Mqabba FC Youth Nursery se torganizza il-BBQ Night Annwali tagħha ħdejn il-grawnds tal-istess klabb.  Din l-attività se tigi organizzata nhar il-Ġimgha 25 ta' Awwissu 2017.
L-attendenza numeruża kif ukoll il-kummenti pożittivi li smajna mingħand dawk li attendew fis-snin l-imgħoddija huma ta' sodisfazzjon u inkoraġġiment kbir sabiex b'mod volontarju inkomplu naħdmu b'risq it-tfal tagħna.  In-numru fl-attendenza qiegħed dejjem jiżdied minn sena għall-oħra u dan huwa prova ċara tas-suċċess milħuq f'dawn l-attivitajiet organizzati minn Mqabba FC Youth Nursery.
Minn hawn inħeġġeġ lilkom ġenituri u sostenituri ta' Mqabba FC Youth Nursery sabiex tingħaqdu magħna f'din l-attività.  L-għajnuna u l-preżenza ta' kulħadd hija importanti u ta’ sostenn għalina. 
Reġistrazzjonijiet u laqgħat għall-ġenituri
Mqabba FC Youth Nursery tixtieq tinforma lill-pubbliku inġenerali li bħalissa qed jiġu aċċettati applikazzjonijiet u reġistrazzjonijiet għall-istaġun 2017/2018 għal tfal, subien u bniet, minn 3 snin ‘il fuq. It-taħriġ fi Mqabba FC Youth Nursery se jibda nhar is-Sibt 9 ta’ Settembru fil-Kumpless Sportiv ta’ Mqabba FC.
Laqgħat separati qed jiġu organizzati għall-ġenituri, fejn se tingħata informazzjoni importanti u dettalji dwar it-taħriġ għal dan l-istaġun.  Il-laqgħat se jkunu indirizzati mill-Kumitat Amministrattiv, mill-Headcoach Fernando Costantini u mill-kowcis rispettivi.
Laqgħat skedati għall-Ġenituri: 
·  L-Erbgħa 23 ta’ Awwissu fil-5:30pm – (U5 – U9)
·  L-Erbgħa 23 ta’ Awwissu fis-06:30pm – (U10 – U13) 
Il-laqgħat kollha se jsiru fl-Imqabba FC Hall.
Għal aktar dettalji idħol hawn.