Suldati trasferiti lejn Għawdex mingħajr raġuni

Tmien suldati Għawdxin, li kienu stazzjonati Malta, mil-lum bdew jirrappurtaw għax-xogħol fil-gżira Għawdxija.  
Newsbook.com.mt huwa nfurmat li sitta minn dawn it-tmien suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, ma kinux mal-ewwel 10 suldati li kienu fil-lista biex jiġu trasferiti.
Hu mifhum li wħud minn dawk li ġew trasferiti ilhom fis-servizz erba’ snin, filwaqt li oħrajn li kienu mal-ewwel 10, baqgħu stazzjonati Malta minkejja li ilhom suldati tmien snin.
Is-suldati trasferiti ġew infurmati nhar il-Ġimgħa li għadda, u bdew jirrappurtaw għax-xogħol f’Għawdex mil-lum.
Mhix magħrufa r-raġuni għalfejn ma ġewx trasferiti dawk li kien imisshom skont il-proċedura tal-anzjanità fis-servizz.
Kelliema tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qalet ma' Newsbook.com.mt li l-Ministeru ma jidħolx fi trasferimenti tal-membri tal-Korpi Dixxiplinati għax dawn isiru minn min imexxi l-Korp skont l-esiġenzi tiegħu. Żiedet tgħid li d-domandi dwar dan għandhom jintbagħtu lill-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Forzi Armati ta' Malta. 
Ritratt: Arkivji – FAM