Suldati Torok jaslu l-Libja

Turkish President Tayyip Erdogan speaks during a symposium in Ankara, Turkey, January 2, 2020. Murat Cetinmuhurdar/Presidential Press Office/Handout via REUTERS

Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan żvela li diġa waslu l-ewwel truppi Torok fil-Libja.

Truppi li se jkunu qed jappoġġjaw il-Gvern ta’ għaqda nazzjonali bażat fi Tripli fil-ġlieda kontra l-forzi taħt il-kmand ta’ Khalifa Haftar.

Il-ġimgha li għaddiet, bħal ma’ kien mistenni, il-Parlament Tork approva li truppi Torok jintbagħtu lejn il-Libja.

Il-forzi ta’ Haftar huma appoġġjati fost l-oħrajn mill-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda kif minn diversi merċenarji fosthom Russi, filwaqt li l-Gvern fi Tripli jgawdi mill-appoġġ tal-Qatar apparti dak Tork.

Hekk kif ta l-aħbar, Erdogan qal li t-tir ewlieni tal-preżenza militari Torka fil-Libja ma kienitx biex ikunu mdaħħla direttament fil-ġlied imma aktar biex jagħtu appoġġ militari lill-Gvern bażat fi Tripli. 

Hu qal li bil-mod il-mod il-preżenza militari Torka se tkun qed tiżdied imma ma speċifikax b’kemm.

Il-preżenza militari Torka fil-Libja kienet kundannata minn diversi pajjiżi fosthom il-Greċja u Iżrael.