Suldati tal-ISIS infettati bl-Ebola

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tinvestiga rapporti li suldati tal-Istat Iżlamiku marru fi sptar fl-Iraq infettati bl-Ebola.
Skont rapporti internazzjonali, għadd ta’ suldati marru fl-isptar ta’ Mosul, li bħalissa jinsab taħt il-kontroll tal-ISIS, juru l-ewwel sintomi tal-Ebola.
Minkejja li r-rapporti, li ġew minn sorsi Kurdi favur l-Iraq, għadhom mhux ikkonfermati, il-kelliem għall-WHO Christy Feig qal li l-grupp qed jipprova jilħaq uffiċjali fl-artijiet ikkontrollati mill-ISIS biex joffru l-għajnuna tagħhom.
Bħalissa impjegati tan-Nazzjonijiet Magħquda ma jistgħux jidħlu f’artijiet ikkontrollati mill-ISIS, kemm fl-Iraq kif ukoll fis-Sirja. Għaldaqstant il-possibiltà li jkun hemm operazzjoni fir-reġjun hi minima.
Fil-ġimgħat li għaddew, suldati tal-ISIS qatlu 11-il tabib ta’ Mosul.