Suldati pensjonanti jgħidu li ma jistgħux jibqgħu bl-istess pensjoni ta’ 40 sena ilu

Is-suldati pensjonanti qed jgħidu li ma jistgħux jibqgħu jirċievu l-istess pensjoni tas-servizz li kienet tingħata 40 sena ilu.

Joe Cachia, f’isem l-Assoċjazzjoni Suldati Pensjonanti, qal li ovvjament, il-kwalità tal-ħajja ta’ 40 sena ilu hi ferm differenti minn tal-lum. U proprju għalhekk qed jappellaw biex fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali, l-partiti politiċi jisimgħu l-appell tagħhom.

Jidher li l-aħħar darba li tmesset il-pensjoni tas-servizz tas-suldati tal-Armata kien lejn l-aħħar tas-snin sebgħin.

Is-Sur Cachia kompla jgħid li armla ma tieħux pensjoni tas-servizz. Minflok, tieħu pensjoni tal-gvern baxxa ħafna għax hi bbażata fuq kemm is-suldat kien ħallas bolla.

Fil-preżent, l-Assoċjazzjoni Suldati Pensjonanti għandha madwar 250 membru u fil-jiem li ġejjin se tkun qed tagħmel l-ewwel konferenza uffiċjali tagħha. Qed tappella lis-suldati biex ma jħallux din il-kwistjoni tkompli torqod.

Ritratt: AFM – Justin Gatt