Suldati Iżraeljani jisparaw fuq dimostranti

Suldati Iżraeljani sparaw u darbu madwar 40 Palestinjan f’Gaża u fix-Xatt tal-Punent waqt dimostrazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump li rrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana.
Skont il-Pulizija tal-Iżrael, huma sparaw fuq raġel wara li allegatament huwa ħebb għall-uffiċjal b’sikkina. Skont il-midja internazzjonali, r-raġel kellu f’idejh sikkina żgħira u kien liebes ukoll ċintorin li seta’ kellu xi bombi marbutin miegħu.
L-armata tal-Iżrael qalet li madwar 6,000 Palestinjan ħadu sehem fil-protesti. Spjegaw li dawn irrumblaw tajers bin-nar, u tefgħu bombi tan-nar u ġebel lejn is-suldati u lejn il-pulizija.
Id-deċiżjoni ta’ Trump qajmet ħafna rabja fost il-Musulmani u l-Għarab.
L-Iżrael kienet rebħet parti mill-Belt ta’ Ġerusalemm wara gwerra fl-1967. Il-Palestinjani għadhom jittamaw li parti mill-Belt xi darba ssir il-Belt Kapitali ta’ stat indipendenti fil-futur għall-Palestinjani.