Suldat Malti jiggradwa bħala Uffiċjal tal-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti

Read in English.

Fis-16 ta’ Novembru Miguel Cauchi gradwa mill-Iskola tal-Kandidati tal-Uffiċjali tal-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti (OCS). Cauchi huwa l-ewwel suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) li gradwa minn din l-akkademja. Din l-akkademja tinsab fil-kampus tal-Akkademja tal-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti (USCG) fi New London, Connecticut. 

Il-gradwazzjoni fis-16 ta’ Novembru mmarkat il-qofol ta’ 17-il ġimgħa ta’ programm intensiv ta’ taħriġ u formazzjoni ta’ uffiċjal militari. Il-programm inkluda taħriġ fit-tmexxija, il-ġestjoni, in-navigazzjoni, l-infurzar tal-liġi, u s-suġġetti militari.

Fi stqarrija l-Ambaxxata Amerikana awgurat lil Miguel Cauchi għal dan is-suċċess. Il-Kmandant tal-Gwardja tal-Kosta l-Ammiral Karl Schultz ppresieda ċ-ċerimonja u l-Attaché tal-Gwardja tal-Kosta għal Malta, il-Kmandant Tim Bernadt attenda f’isem l-Ambaxxata tal-Istati Uniti. Schultz qal li s-sħubija bejn l-FAM u l-USCG hija imprezzabbli. Il-qofol tat-taħriġ kien jinkludi li jqatta’ ġimagħtejn fuq il-cutter tal-Gwardja Kostali EAGLE, vapur iddedikat għat-taħriġ fil-qasam ta’ tmexxija, navigazzjoni, u tbaħħir għal-kadetti. 

Gwendolyn “Wendy” Green, iċ-Chargé d’Affaires tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta faħħret is-suċċess ta’ Cauchi, u żiedet li, “noffri l-akbar prosit tiegħi lit-Tieni Logutenent Cauchi. Is-suċċessi tiegħu se jwittu t-triq għal suldati oħra tal-AFM biex jattendu l-OCS tal-Gwardja tal-Kosta u se jkomplu jsaħħu r-rabta bejn l-FAM u l-Gwardja tal-Kosta.”