Suġġerimenti biex niffaċċaw il-Cabin Fever

Nies li jgħixu f’postijiet maħnuqa bis-silġ u kesħin spiss ikollhom iqattgħu żmien twil magħluqin ġewwa. Huma tgħallmu jaddattaw ruħhom għal dawn il-kundizzjonijiet anki biex ma taqbadhomx dik li tissejjaħ Cabin Fever.

Din hija kundizzjoni marbuta ma’ iżolament soċjali li tissarraf f’ansjetà u frustrazzjoni. Tikkomplika ruħha aktar meta jkunu numru ta’ nies magħluqin flimkien f’post żgħir. L-esperjenza li qed ngħixu bħalissa tixbah ħafna din is-sitwazzjoni, bid-differenza li llum għandna ħafna mezzi biex nikkumbattuha.

Dawn huma xi suġġerimenti biex niffaċċaw din is-sitwazzjoni speċjalment fejn hemm familji bit-tfal.

L-ewwel nett, issa huwa ż-żmien li aktar għandna bżonn nippjanaw il-ġurnata u nagħtu post lil dawk il-ħwejjeġ li jiġu l-ewwel u li nżommu rutina. Għal dawk li qed jaħdmu mid-dar importanti li jsibu mhux biss ħin għax-xoghol iżda wkoll rokna fid-dar biex jagħrfu jagħmlu d-differenza bejn xogħol u attivitajiet oħra.

Barra minn dieta tajba, importanti l-eżerċizzju fiżiku regolari, li jista’ jsir ġewwa u bi prudenza kbira ’l bogħod min-nies barra. Importanti ħafna li wieħed jorqod kemm jeħtieġ u jżomm il-ħin fiss tal-irqad u l-qawmien. Jeħtieġ ukoll insibu ħin u spazji waħedna biex nużawhom għal riflessjoni, meditazzjoni jew talb. Dan jgħinna wkoll ikollna familjarità akbar mal-emozzjonijiet tagħna u kontroll fuqhom.

Għal ħafna dan hu żmien uniku biex jitgħallmu xi ħaġa ġdida jew jagħmlu dak li dejjem xtaqu u ma kellhomx ħin. Tajjeb naħtfu din l-opportunità biex wara napprezzawha aktar meta, jekk Alla jrid, jgħaddi kollox.

Bil-mezzi soċjali nistgħu u għandna nżommu kuntatt ta’ kwalità mal-familjari u l-ħbieb tagħna, speċjalment dawk li nafu li huma waħedhom. Min-naħa l-oħra, importanti niddixxiplinaw ruħna fl-użu ta’ dawn il-mezzi speċjalment fit-tixrid tal-aħbarjiet. Jekk noqogħdu ninfurnaw ruħna kontinwament fuq il-marda u, agħar minn hekk, ikollna sorsi ħżiena ta’ informazzjoni, jagħmel aktar ħsara milli ġid. Irridu nieħdu brejk anki mill-informazzjoni.

Konvint li jekk nagħmlu użu tajjeb minn dan iż-żmien, mhux biss jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid iżda wkoll noħorġu minnu aktar bil-għaqal u aktar għorrief għall-ġid ta’ kulħadd.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Ara l-magazine hawn